Aktar mhu jgħaddi żmien aktar qed naraw li qed tikber il-problema tad-dixxiplina. In-nuqqas ta’ dixxiplina jeżisti ukoll fl-iskejjel u fid-djar tagħna. Illum jekk per eżempju titkellem mal-għalliema, mill-ewwel isemmulek il-problema ta’ nuqqas ta’ dixxiplina.
Sfortunatament jidher li f’pajjiżna qed jiżdiedu it-tfal li minn età żgħira jsibu ruħhom żvantaġġjati. Dan iseħħ minħabba diversi raġunijiet. Hemm dank li ġejjin minn familji bi problemi u hemm oħrajn ġejjin minn familji oħra li ukoll għandhom uliedhom bi problema ta’ imġieba.
Hawn min jgħidlek ‘skont kif trabbi’. Imma llum il-professjonisti jgħidulek li dan m’għandux x’jaqsam. F’xi każi jista’ jkun li jun hemm nuqqas ta’ dixxiplina minħabba f’hekk. Min jaħdemn f’dawn l-oqsma llum jgħidlek li kien hawn familji li taw bollox għal uliedhom, żammewhom fuq wiċċ l-idejn, edukawhom, imma xorta dawn kellhom problema seria ta’ imġieba u dixxiplina.
Għandna tfal li ma jibżgħux mill-għalliema tagħhom. Fejn jistmerru figuri ta’ awtorità: jekk hux għalliem, warden, Pulizija jew kull minn b’xi mod jew ieħor għandu awtorità fuqhom. Forsi dak li jkun jistaqsi xi jwassal għal dan?
Hemm ħafna raġunijiet għalfejn tifel jew tifla ta’ 10, 11, 12, 13 u 14 -il sena jkollhom daqstant rabja lejn figuri ta’ awtorità. Li niġġeneralizzaw hu ħażin. Nemmnu li kull każ għandu jkun analizzat għalih b’mod seperat. Kull tifel minn dawn għandu l-istorja tiegħu. Għandu l-istorja ta’ għaliex għandu dik ir-rabja.
Nemmnu ukoll li l-isfida fid-dixxiplina fl-iskejjel m’hiex sfida ta’ pajjiżna biss. Hemm ħafna xebħ bil-problemi li jinstabu fl-iskejjel lokali meta wieħed jara sistemi edukattivi Ewropej. Hemm pajjiżi barranin li għandhom problemi ferm u ferm aktar serji minn tagħna. Il-mistoqsija hi jekk ftit snin oħra pajjiżna hux se jispiċċa b’dawn il-problemi serji ukoll.
Nemmnu li hemm bżonn ferm u ferm aktar ħidma mal-ġenituri. Wieħed ma jridx jinsa, għax xi kultant din donnha qed ninsewha, li r-responsabbilità aħħarija tat-tfal hi tal-ġenituri. L-ebda ħidma li ssir fl-iskola jew minn edukaturi ma tbiddel dan il-fatt. Hemm limitu sa fejn jistgħu jaslu l-iskejjel, l-għalliema, il-kapijiet tal-iskejjel u l-ħaddiema kollha fl-edukazzjoni u fil-qasam soċjali.
Hu importanti li l-ġenituri isegwu dak li jkun għaddej u l-progress ta’ uliedhom. Għandna ħafna għalliema li jħossu li mhux dejjem jkun hemm appoġġ minn ċertu ġenituri. Anżi, agħar minn hekk għandna għalliema li jaraw li hemm ġenituri li donnhom ma’ l-ewwel okkażjoni ikunu lesti jippontaw is-swaba lejn l-għalliema.
Nemmnu li hu importanti li jkun hemm sens ta’ dixxiplina fl-iskejjel. Dan hu kruċjali għal uliedna. Daqstant ieħor hi importanti id-dixxiplina fid-dar.