Monday, December 23, 2024

Ir-rabta bejn it-tliet Russji

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għal ħafna Russi, teżisti rabta li ma tistax tinħall bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-Belorussja. Kif qegħdin juru ħafna ġrajjiet li qegħdin jiżviluppaw, żgur li l-maġġoranza tal-poplu Ukren kif ukoll ta’ dak Belorussja ma jaħsbuhiex l-istess bħar-Russja fuq dan ir-rigward. 

Fi żmien l-Unjoni Sovjetika, ħafna kienu jaħsbu li r-Russi kienu jaraw is-separazzjoni ta’ dawn it-tliet pajjiżi bhala impossibbli minħabba li bejniethom kienu jaqsmu l-aktar industriji essenzjali tal-Unjoni Sovjetika, kif ukoll għax fil-każ tar-Russja u tal-Ukrajna, huma kellhom l-akbar ammont ta’ armament nukleari fit-territorji tagħhom.

Però, wara din il-konvinzjoni storika Russa hemm element li jmur ħafna aktar fil-fond minn dawn ir-raġunijiet. Dan għandu l-bażi tiegħu fil-belt ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, minħabba li din il-belt antika kienet il-qofol ta’ konfederazzjoni antika magħrufa bħala r-Kyivan Rus, li kienet tkopri l-artijiet li jinsabu bejn il-Baħar l-Abjad u l-Bahar l-Iswed. Din il-konfederazzjoni medjevali hija meqjusa bħala l-bażi tal-kulturi Russi u Belorussi kif ukoll bħala l-katalista wara l-firxa tar-reliġjon Ortodossa. Hu propja għalhekk li r-Russja tara l-belt ta’ Kiev bħala belt Russa u mhux il-belt kapitali ta’ pajjiż barrani. Bażikament, fiha huma jaraw l-identità Ewropeja tagħhom.

Ekonomija

Sport