Friday, November 15, 2024

Ir-raġel li weġġa’ fl-Imġarr Għawdex hu baħri fuq il-vapur Nikolaos

Aqra wkoll

Talk.mt jista’ jikkonferma li r-raġel li dalgħodu weġġa’ fuq il-Gozo Channel hu wieħed mill-baħrin li joperaw l-vapur Nikolaos.

Jirriżulta li għalkemm il-baħri hu f’sensieh, sofra xi ġrieħi f’rasu u anke xi ksur. Mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġie ddikjarat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Mhux eskluż li fil-ħin li ġej l-istess ħaddiem se jkollu jiġi operat.

Aktar kmieni: Passiġġier isofri ġrieħi serji wara li ntlaqat minn vettura fuq il-vapur t’Għawdex

Raġel kellu jiddaħħal l-Isptar wara li iktar kmieni llum, għall-ħabta tad-9:30 a.m., intlaqat minn vettura fuq il-vapur t’Għawdex, ix-Xatt tal-Imġarr.

Mill-ewwel informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li Irlandiża ta’ 26 sena kienet qiegħda ssuq vettura Ford Ka u xħin waslet fuq ir-rampa tal-vapur, tilfet il-kontroll, imxiet lura u laqtet Grieg ta’ 30 sena.

Tim mediku ta l-ewwel assistenza tiegħu lill-passiġġier sakemm seta’ jittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura. Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ dan is-sit li r-raġel sofra ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Brigitte Sultana li fetħet inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport