Tuesday, November 12, 2024

“Ir-raġunijiet li tkeċċejt imorru oltre minn dak li qed jgħidu”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Każ ieħor ta’ tkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol li qajjem rabja u furur f’Malta inkluż fost ġenituri ta’ studenti, għalliema, unjins u l-pubbliku b’mod inġenerali huwa dak tas-Surmast tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, Mario Mallia. Din it-tkeċċija ta’ ħaddiem meqjus bħala bieżel u preżenti tant li huwa maħbuba ħafna, għall-Malta Union of Teachers (MUT) hija inaċċettabbbli u llbieraħ fetħet każ quddiem it-tribunal industrijali f’isem l-istess Mallia bil-għan li ssir ġustizzja miegħu. Min-naħa tiegħu Mallia qiegħed isostni li r-raġunijiet għat-tkeċċija tiegħu imorru oltre minn dak li qiegħed jingħad mill-amministrazzjoni tal-Kulleġġ.

Mario Mallia, permezz ta’ ittra datata 25 ta’ Lulju, 2022 kien infumat li l-impjieg tiegħu bħala surmast tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir (wara 16-il sena) ġie terminat mir-Rettur Fr Aaron Zahra għan-nom tal-Bord tal-istess kulleġġ minħabba “usurpazzjoni ta’ u/jew użu ta’ proprjetà tal-employer mingħajr permess minn qabel” u “insubordinazzjoni b’ċirkostanzi aggravati”. Fi stqarrija li ġiet ippubblikata jumejn wara mill-Bord ta’ dan il-Kulleġġ u r-Rettur kien imbagħad iddikjarat li Mallia ma tkeċċiex “minħabba kwistjonijiet ta’ inklużjoni” iżda bħala “riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċedurali li ilhom jinġemgħu u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx riżolti”.

Mallia li flimkien mal-MUT kien qudddiem il-Qorti qabel bdew il-proċeduri legali, qal li, “ir-raġunijiet li tkeċċejt jien, fil-verità, imorru oltre minn dak li qegħdin jgħidu. L-aktar nies li jinsabu f’diffikultà bħalissa huma l-ġenituri u l-istudenti. Inħossni f’obbligu kemm għalija, kif ukoll għal sħabi, li nagħmel dan il-pass għax inħoss li mhuwiex ġust li għax tiftaħ ħalqek tirċievi ittri bl-avukat u li jkun hemm telefonati biex jaraw għalfejn tellgħajt post il-Facebook…”.

Huwa semma’ rapport ippubblikat fuq ġurnal lokali li ġab il-verżjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola fejn sostna li l-istess amministrazzjoni għandha modi konfliġenti kif tittratta l-inklużjoni. Mallia fid-dettalji li ta qal li l-bord tal-Kulleġġ inħatar madwar sena ilu  u  li “mhuwiex inklussiv mal-kumplament tal-komunità” għax il-komunità mhiex parti fis-set up tiegħu u anke għall-mod kif ħa t-tliet deċiżjonijiet li huma: dik li jitwaqqaf il-programm “MEET”; dik li l-koperattiva li twaqqfet għall-istudenti bi bżonnijiet speċjali hija wkoll ta’ diffikultà; u dik riċenti tat-tkeċċija tiegħu. 

F’dawn, sostna l-edukatur imkeċċi, “ma kien hemm ebda involviment tal-kumplament tal-komunità. Dawn kienu prattikament deċiżjonijiet biex jinqatgħu l-irjus. Saru diversi tentattivi biex isiru diskussjonijiet però dawn it-tentattivi qatt ma ġew milqugħa min-naħa tagħhom”.

Aktar dwar is-Sur Mallia…

  • Is-Surmast u kollega maħbub b’impenji u karigi għall-ġid tas-soċjetà
  • Mario Mallia ggradwa fil-BEd(Hons) u MEd, kif ukoll għandu Diploma ta’ wara l-lawrja fl-Immaniġjar u l-Amministrazzjoni Edukattiva u Diploma fix-Xjenza Ambjentali. 
  • L-aħħar pożizzjoni li okkupa kienet proprju dik ta’ surmast fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Huwa beda jaħdem f’dan il-Kulleġġ f’April tal-2003 bħala “Deputy Head” u fl-2006 beda jmexxi bħala Surmast. Mallia kien fil-branka eżekuttiva tal-Kulleġġ mill-2006 sa Lulju ta’ din is-sena. 
  • Elett bħala għalliem u rappreżentant tal-ġenituri f’numru ta’ Kunsilli tal-Iskejjel, Mallia kien għal diversi snin attiv f’għadd ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs). 
  • Huwa okkupa l-pożizzjoni ta’ segretarju ġenerali u deputat chairperson tal-Alternattiva Demokratika;
  • Kien membru elett fil-Kunsill Lokali ta’ B’Kara bejn l-2002 u l-2006 f’isem l-istess partit.
  • Mallia huwa l-ko fundatur tal-Union Ħaddiema Ħwienet;
  • Fil-karriera tiegħu kien elett biex jirrappreżenta l-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) fejn għal diversi snin serva bħala viċi president. 
  • Huwa kien responsabbli wkoll għal editorjali fuq radjijiet nazzjonali u kontributur ta’ għadd ta’ pubblikazzjonjiet b’temi edukattivi u politiċi. 
  • Mill-2009 Mallia huwa membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u membru tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Ekonomija

Sport