Għaddew aktar minn tliet snin minn meta kien inqatel Lassana Cisse f’Birżebbuġa b’tir f’rasu. Qtil li kien ħoloq diskussjoni u manifestazzjonijiet minħabba li allegatament kien intqal li dan seħħ b’mottivi razzjali. Minkejja li għadda dan iż-żmien il-mistoqsija li rridu nagħmlu f’dan il-pajjiż hi waħda ċara ħafna. Saret ġustizzja? Dak li wassal għal dan il-qtil, pajjiżna indirizzahom? Meta wieħed jifli dan il-każ u jitkellem fuq ġustizzja ma’ Lassana Cisse mhux qed nitkellmu biss fuq ġustizzja li jitressqu u jinstabu ħatja minn wettaq dan l-att. Dan hu parti biss mill-proċess. Ġustizzja ma’ Lassana tfisser li l-pajjiż irid jitratta dak li hu l-kaġun ta’ atti bħal dawn. Dawn huma li jiġu riformati u mibdulin l-istrutturi u l-ambjent li wasslu biex inħoloq ambjent ta’ terrur għal persuni Afrikani f’dan il-pajjiż minħabba dan l-att. Qed nitkellmu l-aktar fuq id-diskors ta’ mibegħda. Fuq in-narrattiva li spiss jitkellmu dwarha il-politiċi f’dan il-pajjiż. It-ton ta’ allarm. Il-biża mill-barranin. Il-fatt li nemarġinawhom u nħalluhom bogħod minn nies, b’dak kollu li jinqala’ kawża ta’ dan. Qed nitkellmu fuq kif il-pajjiż qed jimmaniġġja l-kwistjoni kollha marbuta mal-immigrazzjoni, fejn jidher li bħala pajjiż għadna lanqas biss bdejna.
U proprju fl-aħħar jiem, kellna żvolta oħra fil-każ ta’ Lassana. Il-katavru tiegħu fl-aħħar jidher li jista’ jintbagħat lura pajjiżu. Għand qrabatu. Ma ninsewx li f’pajjiżu, fil-Kosta tal-Avorju hu għandu l-qraba, li tħabtu u stennew lura l-katavru. Imma anki hawn, kellhom jistennew għal tlett snin. Żmien li mhu xejn għajr tbatija żejda għal dawn il-familjari.
Dan is-sit jinsab infurmat li l-proċess biex il-katavru jintbagħat lura ħa ħafna żmien minħabba l-Covid19 peress li l-Kosta tal-Ivorju kienet tpoġġiet fuq il-lista l-ħamra. Dan wassal biex ma setgħux imorru persuni jakkumpanjaw il-katavru.
Tkellimna ma’ Christine Cassar mill-Moviment Graffitti dwar il-każ ta’ Lassana Cisse u kif ġustizzja f’dan il-każ baqgħet ma saritx.
Christine Cassar qaltilna Ii “fil-każ ta’ Lassana bla dubju ta’ xejn għandna sitwazzjoni fejn ir-raġunijiet li wasslu għal dan il-qtil baqgħu u għadhom ma ġewx indirizzati. Dan kien każ aktar minn qtil. Kien każ li aħna konvinti moralment li wassal għal terrur fost il-komunità Afrikana. X’wassal għal dan? Konvinti moralment li dan seħħ għax f’pajjiżna qed nisimgħu diskorsi u kummenti ta’ nies fejn persuni Afrikani tpinġew bħala nies inferjuri. Kellna anke politiċi li tkellmu hekk. Maż-żmien, anke wara l-qtil, id-diskors ma inbidilx. Ġustizzja għal Lassana ma jfissirx biss li min qatlu jinstab ħati. Imma tfisser li jiġu indirizzati l-istrutturi li wasslu biex inħoloq dan l-ambjent”.
Tgħidilna li “anke jekk nieħdu l-każ innifsu, naraw li min hu akkużat jinsab ħieles fuq ‘bail’. Ma nistgħux nifhmu kif f’każ bħal – fejn kellek attakk fuq komunitajiet bil-għan li jinħoloq it-terrur – dawn il-persuni jingħataw l-ħelsien.
Enfasizzat li “nemmnu li fejn tidħol l-immigrazzjoni id-diskors u anke l-politika għandha tkun waħda razzjonali. Bħalissa d-diskorsi huma irrazzjonali. Dan qed jiggrava is-sitwazzjoni. L-immigrazzjoni qed tkun trattata b’mod ħażin ħafna. Qed tinħoloq tensjoni bejn Maltin u barranin.
Hemm postijiet bħall-Marsa fejn hemm konċentrazzjoni ta’ immigranti marġinalizzati li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Dawn waqgħu mix-xibka. Fejn tidħol l-immigrazzjoni is-sistema falliet.”