Mal-50 baqra tal-ħalib qed jiġu ppreparati għall-kompetizzjoni tal-baqar li se tittella’ għall-ewwel darba fl-AgriFair 2022. Dawn il-baqar se jkunu qed jiġu ppremjati skont is-sbuħija tagħhom fejn fost fatturi oħra l-ġurija se jkunu qegħdin josservaw id-daqs, il-qagħda u l-mixja tal-baqra.
Il-wirja se tkun maqsuma f’erba’ kategoriji, li jiġbru fihom l-iktar razez importanti fil-produzzjoni tal-ħalib. Ħa tibda bir-razza Jersey, li hi l-iżgħar razza tal-ħalib fid-dinja, tkompli bir-razza Brown Swiss, r-razza tal-Ħomor magħrufin bħala Red Holstein, imbagħad tagħlaq bl-aktar razza komuni dik tas-suwed u bojod, il-Black and White Holstein.
Kull kategorija imbagħad kienet maqsuma fi tliet klassijiet – il-baqar li welldu darba, dawk li welldu darbtejn u dawk li welldu tliet darbiet jew iktar. Minn kull klassi, ntgħażlu l-aqwa żewġ baqriet sakemm minn fost dawn imbagħad ntgħażlu l-aqwa u t-tieni l-aqwa minn fost il-baqar kollha fil-wirja.
“tkun ħasra kbira jekk naslu fi stat li lit-turist ma jkollnix prodott frisk u malti x’noffrulu”
Vince Parnis
Talk.mt tkellmet ma’ Vince Parnis li jservi fir-rwol ta’ Farm Services Manager fil-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPH). Parnis qabel lill-baqar li kienu qegħdin jiġu preparati għall-wirja mal-għarusa li tkun qiegħda tipprepara biex tidher bl-aħjar mod possibbli f’jum it-tieġ.
Huwa sostna dwar l-importanza ta’ wirja bħalma hija l-AgriFair hija li l-pubbliku jifhem l-importanza ta’ dan is-settur u li meta jkun se jġebbed idu fuq l-ixkafef tal-ħwienet, jagħżel il-prodott frisk u lokali. Parnis qalilna li mingħajr is-sostenn tal-konsumatur, dawn ir-raħħala ma jistgħux ikomplu bil-ħidma tagħhom. Huwa spjega li dawn in-nies jqattgħu sigħat twal fl-irziezet tagħhom biex iwasslulna prodott li nistgħu nsejħulu bħala “tagħna” u tkun ħasra jekk ma naprezzawx dan il-privileġġ.
Parnis tkellem ukoll dwar it-turiżmu u fakkar li tkun problema kbira jekk lit-turist ma jkollnix l-unur li noffrulu prodott frisk u Malti. Jekk naslu f’dan l-estrem inkunu qegħdin nitilfu parti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna li sa minn snin ilu kellu raħħala li kienu apprezzati ferm għall-prodotti tagħhom, anke aktar mill-qrib meta kienu saħansitra jduru bil-merħliet tagħhom fit-toroq.