Saturday, December 21, 2024

Ir-rakkomandazzjonijiet se jilħqu l-mira li ħafna jixtiequ- l-Avukat Dr Sharon Mizzi dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja

Aqra wkoll

“Inħoss li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jkunu qegħdin jilħqu l-mira li ħafna jixtiequ, u fost l-oħrajn jonqos il-proċess għal kull min jiftaħ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Familja.” Hekk stqarret l-Avukat Sharon Mizzi li hija waħda minn dawk il-professjonisti li bħalissa qegħdin jagħtu sehemhom fir-rakkomandazzjonijiet li tfasslu u li huma t-temi fil-konsultazzjoni pubblika.

F’din il-konsultazzjoni hemm sett ta’ rakkomandazzjonijiet intiżi sabiex itejbu l-proċess ta’ medjazzjoni, ir-rwol tal-avukat tat-tfal, il-ħtieġa ta’ sostenn minn professjonisti oħra fil-proċess legali, li nindirizzaw id-drittijiet u responsabbilitajiet tal-ġenituri u kwistjonijiet li l-iktar li jinqalgħu fil-proċess legali li jinvolvu l-familja. 

F’intervista ma’ dan is-sit, Dr Mizzi spjegat fid-dettall dak kollu li hu għaddej bħalissa u fejn din ir-riforma trid twassal biex ikun hemm tibdil fil-liġi. Tgħid li biex insaħħu l-funzjoni tal-Qorti tal-Familja u nasserixxu l-bżonn ta’ speċjalizzazzjoni f’dan il-qasam, qed jigi propost li Qorti tal-Familja tiġi stabbilita u tkun Qorti awtonoma mhux iktar taħt il-kappa jew sezzjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. 

Dr Mizzi tgħid li hija xewqa ta’ ħafna li l-medjazzjoni tingħata aktar saħħa u għalhekk l-idea li, li fl-ewwel seduta l-Medjatur ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-inkartament kollu meħtieġ sabiex il-partijiet jaslu f’diviżjoni u arranġjament finali li jkun ġust u ekwu. “Sabiex jintlaħaq dan it-tragward hemm il-ħtieġa li kull parti li tkun qed tissepara jew fil-proċess li titlob manteniment, tippreżenta l-inkartament relattiv għall-assi tagħha, djun li għandha, id-dħul tagħha, l-investimenti li għandha u l-proprjetá flimkien jew separatament,” tgħid Dr Mizzi ma’ dan il-ġurnal.

Hi tkompli tgħid li b’hekk, ir-rakkomandazzjoni hija fis-sens li ma’ kull ittra ta’ medjazzjoni jiġu ppreżentati minn kull parti dawn id-dokumenti li jiġu skambjati. Ma’ kull applikazzjoni l-parti għandha wkoll, fil-bidu tal-proċess tagħmel il-proposti tagħha dwar dak li tkun tixtieq sabiex tiffinalizza b’mod bonarju. Kull skambju ta’ dokument u kull proposta għandha tibqa’ mingħajr preġudizzju. 

Inħass dan il-bżonn peress li fil-preżent jinħlew ħafna seduti ta’ medjazzjoni sabiex jiġu prodotti dawn id-dokumenti u fil-preżent hija biss l-‘buona volonta’ ta’ parti, li tagħmilha possibbli sabiex dawn id-dokumenti jingħataw għax fil-verità l-Liġi ma tobbliga lill-ebda parti u għalhekk jekk parti ma tressaqx id-dokumenti, il-kontroparti ma tistax legalment tobbliga tagħmel dan. B’hekk parti li tixtieq tagħlaq bonarjament tkun ippreġudikata u tiġi f’pożizzjoni li ma tistax tevita kawża. Inħossu li dan l-iskambju ta’ dokumenti ser iwassal sabiex noffru soluzzjoni ġusta u bla dewmien.

Bil-produzzjoni tad-dokumenti u bil-proposta ta’ dak li parti tkun tixtieq, kemm l-avukati kif ukoll il-medjaturi ikunu jistgħu iwasslu lill-partijiet għal soluzzjoni li tkun trasparenti u ekwa. 

Qed jiġi propost li dan l-inkartament jitla’ quddiem il-Bord tal-Familja li jissorvelja li dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati minn kull parti u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Qorti dwar il-manteniment u/jew l-aċċess li l-partijiet possibbilment ikunu qed jaqblu fuqu jew dak li jidher li hemm bżonn deċiżjoni mill-Qorti. 

Għal dak li jirrigwardja l-manteniment, f’każ li l-koppja ma taqbilx dwar ammont, qed isiru s-segwenti domandi bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni fis-sens li:

1. Għandu jkun hemm perċentwali li jkunu stabbiliti bil-Liġi li tkun maħduma fuq id-dħul net tal-individwu u maħduma per capita fuq it-tfal oltre spejjeż saħħa, edukazzjoni u extrakurrikulari waħda?

2. Jew għandu l-manteniment ikompli jinħadem fuq parametri ta’ ammonti u cioé mhux inqas minn Eur 200 fix-xahar fuq kull tifel/tifla oltre spejjeż saħħa, edukazzjni u extrakurrikulari waħda?

3. Jew għandu l-manteniment jinħadem fuq ammont minimu bħala perċentwali tal-paga minima nazzjonali u li jaġġusta ruħu b’mod awtomatiku fuq bażi annwali oltre spejjez saħħa, edukazzjoni u extrakurrikulari waħda?

Għal dak li jirrigwardja t-trobbija u l-aċċess tal-ulied, il-Bord ukoll ser ikun qed jagħmel ir-rakkomdazzjonijiet tiegħu lill-Qorti dwar l-istess inkluż li jitqabbdu persuni ta’ sostenn skont il-ħtieġa. 

Il-bord mhux ser ikollu funzjoni li jiddeċiedi jew li jisma’ lill-partijiet iżda biss li wara li jara l-inkartament kollu u l-proposti ta’ kull parti, jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal dak il-każ partikolari lill-Qorti, li finalment tkun hi biss li tiddeċiedi.

Il-Bord tal-familja għandu jassisti lill medjaturi u mhux li jieħu l-funzjoni bżonnjuża tagħhom.

Qed jiġi wkoll propost li l-medjazzjoni jkollha terminu massimu ta’ tmien xhur u sa massimu ta’ sitt seduti.

Drittijiet u responsabbilitajiet ugwali però l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun dejjem il-punt ċentrali 

Fost il-proposti ewlenin ta’ din ir-riforma, huma dawk relatati mal-aċċess tal-ġenituri lejn uliedhom u l-manteniment tat-tfal. Id-drittijiet ta’ kull ġenitur għandhom ikunu ugwali peró bl-istess mod anke r-responsabbiltajiet. It-trobbija tat-tfal għandha tintrefa’ minn kull ġenitur b’mod ugwali u allura iva fejn hemm każijiet li jimmeritaw ‘co-parenting’, il-Qorti għandha jkollha s-setgħa li tiddeċiedi b’dan il-mod peró l-Liġi dejjem għandha tissalvagwardja l-aħjar interess tat-tfal u dan għandu jkun l-punt tat-tluq u l-prinċipju kardinali ta’ kull riforma li tista’ tkun proposta. 

Fid-deċiżjonijiet tagħha, il-Qorti għandha tara l-ġid tat-tfal bl-arranġament propost mill-ġenituri u d-drittijiet ta’ kull ġenitur għandhom ikunu sekondarji għal dawk tat-tfal. Fatturi importanti li għandhom jgħinu lill-Qorti tiddeċiedi, għandhom ikunu l-ħinijiet ta’ xogħol ta’ kull parti u kif din tista’ żżomm it-tfal, l-armonija li teżisti jew ma teżistix bejn il-ġenituri, il-vizzjijiet li kull parti jista’ jkollha u l-partners ma’ min it-tfal jistgħu ikunu esposti. Id-dħul ta’ kull parti għandu wkoll jingħata importanza fil-likwidazzjoni tal-manteniment anke meta jkun hemm ‘co-parenting’ sabiex l-għixien tat-tfal ikun bilanċjat anke finanzjarjament. 

Nindirizzaw l-kwistjonijiet li jinqalgħu matul il-kawża bħal manteniment u aċċess

Meta Dr Mizzi ġiet mistoqsija minn dan il-ġurnal dwar il-manteniment hi tgħid li “fejn għandu x’jaqsam ma’ manteniment, fil-liġi tagħna għad m’hemmx ammont stabbilit, iżda tgħid li jinħadem skont il-mezzi u l-ħila ta’ dak li jkun. 

Fil-preżent, il-Qorti tiddeċiedi manteniment skont ammont minimu u massimu fuq kull tifel jew tifla bħala punt ta’ tluq u għalhekk id-domandi li ġew riprodotti iktar ‘il fuq f’din l-intervista. 

“Li huwa ċert hu li hemm bżonn ċertezza dwar l-ammont li parti hija mistennija li tħallas bħala manteniment, biex b’hekk parti tista’ tippjana wara li tissepara speċjalment jekk tkun ser tuża facilitajiet bankarji jew jekk tkun ser tidħol f’kirja,” tkompli tgħid Dr Mizzi. 

Hija tkellmet dwar l-idea li jkun hemm provvediment mill-bidu sabiex fil-bidu ta’ kull proċess ikun hemm ammont minimu ta’ manteniment li jiġi aġġustat skont il-provi. 

“Dwar it-trobbija u l-aċċess tat-tfal, kif intqal kull każ irid jiġi studjat għalih però qed jiġi propost li jkun hemm uffiċċju ta’ sostenn fil-qorti li jkun magħmul minn professjonjisti minn dixxiplini differenti sabiex jgħinu lill-persuni involuti fil-proċeduri tal-qorti tal-familja,” tgħid Dr Mizzi. 

Uffiċċju ta’ sostenn u Avukati tat-tfal 

Dr Mizzi li ilha snin taħdem fil-Qorti tal-Familja tgħid li “bla dubju din ir-riforma ser tindirizza b’mod partikolari lit-tfal, li huma membri importanti fil-familja u li anke huma għandhom ikollhom vuċi fil-proċess. Għalhekk huwa propost li l-avukat tat-tfal ikun il-porta vuċi tal-ulied fl-arranġjament li l-partijiet jistgħu jagħmlu u anke matul il-proċess. Id-domanda fil-konsultazzjoni pubblika hija jekk l-avukat tat-tfal għandux ikun maħtur f’kull proċess jew skont jekk il-Qorti tħossx il-bżonn. 

“M’għandniex ninsew ir-rwol importanti li għandhom it-tfal fil-proċess legali u kemm dawn m’għandhomx jitħallew ibatu. 

“Għalhekk inħossu li l-avukat tat-tfal u l-persuni ta’ sostenn jistgħu jevitaw ħafna minn din it-tbatija. Peress li dawn huma professjonisti f’oqsma differenti verament jistgħu jgħinu lill-familji. Qed inħarsu lejn social workers, psikologi, psikjtari, terapisti u nies imħarrġa fil-‘parental alienation’. Dawn kollu jistgħu jgħinu sabiex is-separazzjoni ssir proċess matur fl-aħjar interess ta’ kull parti u speċjalment tat-tfal.

“Qed jiġi propost li jiġu ingaġġati kordinaturi sabiex tagħmilha iktar faċli li jiġu ngaġġati persuni ta’ sostenn li jgħinu lill-familja tissepara bl-iktar mod seren.”

Ma setax jonqos li nistaqsu lil Dr Mizzi dwar il-vjolenza domestika. Sostniet li l-proċess ta’ medjazzjoni ma jistax ikun effettiv f’dan ir-rigward. “F’każijiet bħal dawn, il-vittma trid tiġi salvagwardjata mill-aggressur u għalhekk f’dan il-każ għandha awtomatikament tinqabeż din il-proċedura u l-parti tmexxi b’kawża quddiem il-Qorti,” temmet tgħid Dr Mizzi. 

L-idea tar-rakkomandazzjonijiet hija li l-Liġi tkun iktar iffukata lejn il-bżonnijiet tan-nies u billi l-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam jingħataw l-għodod kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jaħdmu bl-aqwa mod possibbli u għalhekk iwasslu lin-nies biex jiftehmu barra mill-qorti biex b’hekk il-persuna tkun tista’ tieħu ħajjitha lura fi żmien ftit xhur u mhux snin.

“Inħoss li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jkomplu jqassru ż-żmien tal-proċess legali u għalhekk ikun hemm iktar effiċjenza f’dan is-servizz.”

Il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja tagħlaq fil-11 ta’ Novembru 2024 li ġej.

Ekonomija

Sport