Tuesday, November 26, 2024

IR-RAPPORT ANNWALI TAL-JOBS PLUS GĦAS-SENA 2021

Aqra wkoll

Riċentament l-aġenzija Jobs Plus ppubblikat ir-rapport annwali tagħha għas-sena 2021. Rapport li jagħti kreditu lill-Gvern għal ħidmietu biex Malta jkollha ekonomija reżiljenti, b’saħħitha u finanzi fis-sod. Rapport li jikkonferma li l-istrateġija ekonomika tiegħu qed tasal għand kulħadd. Mill-kbir għaż-żgħir. Tant li Malta, fl-2021, irreġistrat waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropeja – 3.4% kontra r-rata medja fl-UE ta’ 6.4%. Tant li dan ir-rapport indika wkoll li l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber b’rata mgħaġġla.

Filwaqt li dan id-dokument huwa ċertifikat b’saħħtu għall-gvern, it-tkabbir ekonomiku għandu l-prezz tiegħu u jġib miegħu sfidi fosthom il-problema ta’ nuqqas ta rizorsi umani. Tant li Malta kompliet iżżid l-influss ta’ ħaddiema barranin partikolarment minn pajjiżi terzi f’setturi importanti fosthom dawk tal-ospitalità u l-ikel, kif ukoll fil-kostruzzjoni.

Mhuwiex koinċidenza li l-viżjoni ekonomika tal-gvern għal għaxar snin li gejjin kif ukoll il-Baġit 2022, jisħqu fuq l-importanza tat-taħriġ għax it-taħriġ huwa l-essenza biex dan il-pajjiż ikollu mhux biss kwantità ta’ rizorsi imma anke kwalità fir-rizżrsi tiegħu.

Mhuwiex koinċidenza anqas li l-gvern qed jisħaq fuq diversi skemi mirati sabiex itejbu l-kwalità ta’ kull ħaddiem. Il-kwalità taż-żgħażagħ tagħna fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-dinja tax-xogħol. U biex dan jintlaħaq, il-gvern qed ikompli jinvesti f’aktar skemi. Qed ikompli jinvesti f’childcare b’xejn. Qed ikompli jinvesti ukoll fl-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u dawk vulnerabli fid-dinja tax-xogħol.

Dan id-dokument huwa prova ċara kemm il-gvern jemmen fil-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan id-dokument huwa wkoll punt ta’ tluq fejn flimkien nistgħu naslu ghal Malta protagonista.

Sport