Thursday, January 23, 2025

Ir-rapport tal-IMF jirrikonoxxi l-istrateġija ta’ Malta biex tissaħħaħ l-infrastruttura tas-servizzi

Aqra wkoll

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ikkonferma l-impenn ta’ Malta favur żvilupp sostenibbli, li qed tadotta inizjattivi u investimenti biex issaħħaħ l-infrastruttura tas-servizzi tal-pajjiż.

Ir-rapport, ippubblikat ilbieraħ, janalizza l-pajjiż fi sfond ta’ ekonomija b’saħħitha. L-IMF jenfasizza l-avvanzi pożittivi fis-setturi tal-enerġija, l-ilma u l-iskart u jinnota l-isfidi diretti kkawżati minn temperaturi estremi. Ir-rapport jikkonferma li Malta għandha biżżejjed kapaċità ta’ enerġija biex tissodisfa d-domanda attwali tagħha, waqt li għaddejjin investimenti bi preparazzjoni għall-ħtiġijiet futuri. Il-proġett tat-tieni interconnector miexi sew.

Fl-istess ħin, tnedew sejħiet għall-offerti għad-disinn u l-iżvilupp ta’ żewġ sistemi ta’ ħażna tal-enerġija bil-batterija (BESS) fuq skala kbira. Barra minn hekk, bejn l-2021 u l-2024, aktar minn 1,400 familja bbenefikaw minn madwar €6.5 miljun biex installaw mat-13MWh ta’ ħażna ta’ batteriji domestiċi.

Il-Ministeru tal-Enerġija nieda wkoll sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-ewwel proġett ta’ offshore floating wind farm.

Ir-rapport tal-IMF jitkellem fuq il-vulnerabilità ta’ Malta minħabba temperaturi estremi  u d-daqs ġeografiku tagħha. Bl-istess mod, l-IMF jirrikonoxxi l-potenzjal tal-wind farms ’il barra mill-kosta, li permezz tagħhom titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-elettriku u l-fjuwils fossili.

L-investiment li qed tagħmel Malta biex issaħħaħ l-infrastruttura tagħha jwassal ukoll għal sistemi li huma ‘future-proof’. Proġetti ta’ din il-portata jinkludu l-impjant tal-waste-to-energy, proġett b’sinifikat nazzjonali importanti.

“Huwa tassew pożittiv li l-miżuri proattivi tal-Gvern, bħalma huma l-investimenti fis-sistema tad-distribuzzjoni tan-netwerk, proġetti innovattivi li jappoġġjaw l-enerġija rinnovabbli, il-pjan nazzjonali t’investiment ta’ 10 snin fil-qasam tal-ilma, u l-istrateġiji tal-immaniġġjar tal-iskart, ġew rikonoxxuti mill-IMF bħala impenn ċar favur żvilupp sostenibbli,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli.

Il-Ministru qalet li l-inizjattivi mwettqa qed iħallu l-frott. Fost oħrajn, ir-rapport tal-IMF jinnota tkabbir fil-flotta ta’ vetturi elettriċi u ż-żieda fl-użu ta’ materjal li jerġa’ jintuża (circular material). Fil-fatt, l-użu ta’ materjal ċirkolari laħaq il-15%, waħda mill-ogħla rati fl-UE. Ir-rapport jinnota wkoll tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart per capita (mill-familji u l-industriji tas-servizzi) waqt li l-użu tal-miżbla baqa’ simili, waqt li prattiċi tar-riċiklaġġ u metodi t’inċinerazzjoni qabdu ritmu tajjeb.

L-impatt klimatiku, madankollu, wassal għal domanda akbar għall-enerġija u fuq ir-riżorsi tal-ilma. Permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI), hemm ippjanat investiment ta’ €66 miljun sal-2027 biex jiġu modernizzati l-faċilitajiet tal-immaniġġjar tad-drenaġġ u t-trattament tal-isludge f’Għawdex, u l-impjanti magħrufa bħala ‘Malta North’ u ‘Malta South’. Dawn jagħmlu parti mill-pjan nazzjonali t’investiment b’valur ta’ €310 miljun, approvat mill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rapport tal-IMF jenfasizza li Malta hija l-ewwel Stat Membru tal-UE bil-popolazzjoni kollha tagħha konnessa mal-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

Il-KSI qiegħda tħares lejn pjanijiet sabiex l-iskart mill-irziezet ma jispiċċax fin-netwerk tal-ġbir tad-drenaġġ urban, u xogħol sabiex l-infrastruttura tat-trattament tad-drenaġġ tkun qed topera bl-aktar mod effiċjenti. Il-Korporazzjoni qed taħdem ukoll fuq miżuri biex titrażżan l-infiltrazzjoni tal-ilma baħar u l-intrużjoni tal-ilma tax-xita fin-netwerk. Fl-istess ħin, il-kapaċità tad-desalinazzjoni qed tiżdied filwaqt li t-telf tas-sistema tnaqqas b’mod sinifikanti biex jilħaq livelli rekord tal-UE.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport