Tuesday, May 14, 2024

Ir-rapport tal-MPE Alex Agius Saliba dwar il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal ġie approvat b’appoġġ kbir

Aqra wkoll

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew approva b’mod qawwi r-rapport tal-MPE Alex Agius Saliba dwar ir-Regolament dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal.

Il-MPE Agius Saliba kkummenta li l-abbuż sesswali tat-tfal huwa reat aħrax li jħalli ġrieħi fuq il-vittmi tul ħajjithom, u jikkawża ħsara fiżika u emozzjonali dejjiema. Iż-żieda fit-teknoloġija diġitali ffaċilitat it-tixrid ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u għamlitha aktar faċli għall-predaturi biex jimmanipulaw lit-tfal online. Bla dubju huma meħtieġa azzjonijiet f’dan il-qasam.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikata f’Mejju 2022 bħala parti minn pakkett usa’ dwar id-drittijiet tat-tfal ġibdet ħafna attenzjoni u kritika dwar l-impatt potenzjali tagħha fuq is-servizzi kriptati u l-inklużjoni ta’ obbligu ta’ skennjar ġeneralizzat li joħloq reġim ta’ sorveljanza tal-massa madwar l-Unjoni Ewropea.

“Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online hija essenzjali. M’għandniex dubju dwar dan u ma kkontestajniex din il-ħtieġa! Mill-bidu nett, il-proposta kienet polarizzanti ħafna b’pożizzjonijiet differenti ħafna. L-għan tiegħi bħala rapporteur kien li nsib bilanċ delikat ħafna bejn il-miżuri li jgħinu lit-tfal u lill-vittmi, filwaqt li fl-istess ħin nissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u l-utenti li josservaw il-liġi”, ikkummenta l-MPE Agius Saliba wara l-votazzjoni.

Il-MPE Laburista spjega li l-proposta tal-Kummissjoni għandha punti kontroversjali ħafna dwar il-privatezza, l-isproporzjonalità, u jekk din il-leġiżlazzjoni tkunx ta’ benefiċċju għat-tfal jew, għall-kuntrarju, se xxekkel lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tnaqqas ir-ritmu tal-investigazzjonijiet. Il-proposta ġiet ikkritikata b’mod wiesa’ minn avukati, akkademiċi, teknoloġisti, hotlines għall-protezzjoni tat-tfal, pulizija, prosekuturi, u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, li jibżgħu li l-liġi l-ġdida tal-Ewropa se tagħmilna inqas sikuri.

“Fir-rapport tiegħi, indirizzajna eżattament dak it-tħassib u żgurajna li l-liġi l-ġdida mhux se toħloq reġim ta’ sorveljanza tal-massa madwar l-Unjoni Ewropea u mhux se twassal għal spjunaġġ mifrux u intrużiv taċ-ċittadini kollha. Huwa għalhekk li introduċejna salvagwardji b’saħħithom biex nipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-prinċipji ta’ kriptaġġ minn tarf sa tarf, u l-projbizzjoni ta’ monitoraġġ ġenerali. Qed neskludu wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni teknoloġiji u miżuri li se jwasslu għal skennjar mifrux u intrużiv, sorveljanza illegali, u spjunaġġ tal-komunikazzjonijiet privati kollha tan-nies kollha.” qal il-MPE.

Fil-kummenti konklużivi tiegħu, il-MPE Alex Agius Saliba qal li dan ma kienx kompitu faċli u xi drabi deher kważi impossibbli, iżda fl-aħħar mill-aħħar, irnexxielhom jadottaw dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tat-tfal kollha online u taċ-ċittadini kollha li josservaw il-liġi.

Sport