Skont il-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni materjali u soċjali f’pajjiżna reġgħet naqset għal 19.7% fl-2024 minn 19.8% sena qabel. Fl-2013 din ir-rata kienet ta’ 24.6%. Dan jirrifletti tnaqqis fir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali severa, li issa laħaq l-anqas livell qatt reġistrat mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.
Fl-2024 kienu biss 4% tal-Maltin u l-Għawdxin li kienu meqjusa f’qagħda ta’ ċaħda materjali u soċjali severa, ikkomparat ma’ 4.1% sena qabel. Ta’ min ifakkar li fl-2021, minħabba l-pandemija, dan il-proporzjon kien ilaħħaq 5.4%. Biex b’hekk fi tliet snin aktar minn 5,000 persuna nħarġu minn din is-sitwazzjoni ferm vulnerabbli.
Dan in-numru huwa sostanzjalment anqas milli kien fl-2013, b’kejl anqas rigoruż li kien jintuża dak iż-żmien. Dak iż-żmien dawk f’ċaħda materjali severa kienu jammontaw għal 10.2%, darbtejn u nofs aktar mil-lum. Dawk f’ċaħda materjali u soċjali mhux severa ukoll naqsu minn 9.2% fl-2023 għal 9.0% fl-2024. Dan ukoll jinsab fl-anqas livell qatt reġistrat u kważi punt perċentwali anqas (0.9pp) milli kien fl-2019. Fl-2013, bil-kejl anqas rigoruż, din ir-rata kienet ta’ 19.9%.
B’kuntrast għal dak li qed jiġri f’pajjiżna f’diversi pajjiżi Ewropej fl-aħħar snin kien hemm żieda fir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali severa. Pereżempju fil-Ġermanja fl-aħħar tliet snin, din ir-rata żdiedet minn 4.3% għal 6.2%.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) id-dħul medju tal-familji wara t-taxxa s-sena li għaddiet kien ilaħħaq €38,236, li tfisser żieda ta’ €961 minn sena qabel. Fis-sena qabel il-pandemija, id-dħul medju tal-familji wara t-taxxa kien ta’ €28,505, li jfisser li fuq medda ta’ ħames snin kien hemm titjib ta’ €9,731, jew 34%. Din iż-żieda fid-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin hija d-doppju taż-żieda fl-għoli tal-ħajja fl-istess perjodu.
Huwa għalhekk li kien hemm żieda marġinali ta’ 0.2pp fir-rata tar-riskju tal-faqar, għaliex il-linja tar-riskju tal-faqar tiġi stabbilita fuq dħul li qed jogħla sostanzjalment minn sena għal oħra. Li huwa impressjonanti f’dan huwa li mill-2015 ’l hawn, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar baqgħet stabbli waqt li r-rata tar-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset, minkejja li d-dħul li bih jitkejlu dawn l-indikaturi żdied b’40%.
Fi kliem ieħor, ir-riga li biha jitkejjel il-faqar għoliet bi kważi €5,000 fi dħul iżda r-riskju tal-faqar baqa’ stabbli u r-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas. Dan ifisser li ż-żieda fid-dħul qed tilħaq lil kulħadd u bis-saħħa taż-żieda fid-dħul tal-familji, naqset sostanzjalment iċ-ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa.
Irid jingħad li d-dħul li fuqu qed jitkejjel ir-riskju tal-faqar f’din l-istqarrija tal-NSO huwa dak għall-2023. Għaldaqstant iż-żidiet li kien hemm fil-pensjoni, fiċ-Children’s Allowance, fil-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja u f’għexieren ta’ benefiċċji oħra fl-2024 u fl-2025 għadhom mhux riflessi fiċ-ċifri ppubblikati.
Pożittiv ukoll huwa l-fatt li l-istatistika uffiċjali qed tindika li matul l-2024 naqset sewwa l-inugwaljanza fid-dħul fejn il-Gini Coefficient naqas minn 33.0 għal 30.8, li huwa l-anqas livell mis-sena ta’ qabel il-pandemija ’l hawn.
Fejn jirrigwardja r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew f’esklużjoni materjali u soċjali, din naqset għall-anqas livell mill-2018 ’l hawn.
Raġuni ewlenija wara dan it-titjib kien l-investiment massiċċ li sar f’investiment soċjali. Tant li l-allokazzjoni fuq benefiċċji soċjali wasslet biex fl-2024, 88,250 persuna ma jaqgħux f’sitwazzjoni ta’ dħul anqas minn 60% tal-medjan nazzjonali. Minkejja dan it-titjib, xorta jibqa’ nies li jiffaċċjaw diffikultajiet u dawn se jibqgħu jiġu megħjuna.
Intant l-istqarrija tal-NSO tindika wkoll li l-livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, kejl ewlieni tal-Viżjoni għal Malta 2050, kompla jitjieb fl-2024. Dan hekk kif dawk intervistati sostnew li kienu aktar sodisfatti kemm bis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, bix-xogħol preżenti tagħhom kif ukoll bir-relazzjonijiet personali tagħhom.
Minn livell ta’ 7.4 minn 10 fl-2023, il-livell ta’ sodisfazzjoni bil-ħajja tela’ għal 7.5. Dan hu l-ogħla livell ta’ sodisfazzjon osservat mindu bdiet tinġabar din l-istatistika fl-2013, u jfisser li kkomparat ma’ sena qabel, pajjiżna qabeż lir-Repubblika Ċeka, Ċipru u l-Iżvezja.
Dwar l-istatistika maħruġa llum, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon kkummenta li minkejja x-xejriet pożittivi, il-Gvern se jibqa’ sensittiv għall-bżonnijiet ta’ dawk li minkejja l-avvanz ekonomiku u soċjali li qed isir, xorta għadhom f’diffikultajiet. “Aħna ma niddejqux nitkellmu dwar il-faqar, kontra ħaddieħor li kien jgħid li l-faqar huwa biss perċezzjoni,” sostna l-Ministru Falzon.
Il-Ministru Falzon qal li għax il-Gvern huwa konxju mill-bżonnijiet tan-nies, se jibqa’ jdaħħal iżjed miżuri soċjali favur il-ħaddiema, il-pensjonanti u l-anzjani, il-familji bit-tfal, il-persuni b’diżabilità u persuni vulnerabbli oħra sabiex ikompli jtejjeb il-livell tal-għajxien ta’ kulħadd.