Saturday, November 23, 2024

Ir-rata ta’ dawk ttestjati pożittivi tonqos bin-nofs f’pajjiżna

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

Matul l-aħħar jiem ir-rata ta’ persuni li nstabu pożittivi għall-COVID-19 kompliet tonqos matul din il-ġimgħa. L-aktar ġurnata li fiha kien hawn każijiet attivi f’pajjiżna, 352, kienet il-15 ta’ April, jew xahar u nofs ilu. B’kuntrast il-ġranet bl-anqas każijiet attivi kienu id-9 u l-10 ta’ Mejju, meta l-ammont ta’ każijiet attivi kien naqas għal 58. Dan kien segwit minn ġimgħatejn li fihom l-ammont ta’ każijiet attivi tela’ għal 130. Imma matul il-ġimgħa li għaddiet in-numru ta’ każijiet attivi reġa’ beda nieżel tant li dan naqas b’madwar wieħed minn tmienja tal-ammont li kellna fit-23 ta’ Mejju. Dan minkejja li n-numru ta’ testijiet, medja kull jum ta’ 1310, kompla jkun ferm ogħla mill-medja mindu bdiet il-pandemija, 795.  

Fil-fatt minkejja li pajjiżna kien għaddej minn dak li xi wħud sejħu t-tieni mewġa tal-pandemija, l-proporzjon ta’ dawk li ttestjaw pożittiv kompla nieżel. Meta wieħed iħares fuq medda ta’ perjodu ta’ 7 ijiem konsekuttivi wieħed jinnota li mentri għal xi ftit jiem il-persentaġġ ta’ dawk li ttestjaw pożittiv tela’ minn 0.6% għal 0.8%, fl-aħħar jiem il-persentaġġ waqa’ għal 0.3%. Dan huwa għaxar darbiet anqas ir-rata li kien hemm fl-ewwel xahar wara li bdiet l-imxija tal-COVID-19.

B’riżultat ta’ dan il-persentaġġ totali ta’ dawk li ttestjaw positiv minn fost it-testijiet kollha naqas minn 2% fil-ġurnata bl-akbar ammont ta’ każi għal 0.9% din il-ġimgħa. Din ir-rata hija ferm aħjar minn dik ta’ pajjiżi madwarna. Per eżempju sa issa fi Sqallija saru 140,925 test, jew l-ekwivalenti ta’ 2.8% tal-popolazzjoni f’din il-gżira ġara tagħna. Dan meta f’pajjiżna saru testijiet għall-ekwivalenti ta’ 13% tal-popolazzjoni, jew kważi ħames darbiet aktar.

Fi Sqallija, fejn in-narrattiva hija li l-coronavirus ma kellux impatt qawwi, ssib li r-rata ta’ pożittivi sa issa hija 2.4%, għax minn 140,925 test, 3,435 kienu positivi. Dan il-persentaġġ ta’ pożittivi kien jinstab f’Malta kważi xahrejn ilu, u bħalissa r-rata tagħna hija kważi tlett darbiet anqas. Fattur ieħor ta’ nteress huwa li fi Sqallija, ir-rata ta’ każijiet attivi hija ta’ 38%. F’pajjiżna hija n-nofs ta’ din ir-rata. 

Fi Sqallija 7.9% minn dawk li ttestjaw positiv mietu. F’Malta ir-rata hija ta’ 1.1%, jew sebgħa darbiet anqas. Dan filwaqt li hemm 10 Sqallin fil-kura ntensiva, kontra l-ebda każ f’pajjiżna. L-ammont ta’ persuna l-isptar fi Sqallija bil-COVID-19 huwa wkoll aktar minn tlett darbiet dak f’pajjiżna.

Anke f’Ċipru, pajjiż li ddikjara li rebaħ il-COVID-19 u qed ilesti biex jiftaħ għat-turiżmu, ir-riżultati mediċi huma ferm agħar minn pajjiżna. F’Ċipru mietu 1.8% ta’ dawk kollha li ttestjaw positiv, jew kważi darbtejn ir-rata f’pajjiżna. Ir-rata ta’ każijiet attivi għadha 35%, jew kważi d-doppju ta’ pajjiżna. Huwa biss fil-persentaġġ ta’ dawk li ttestjaw positiv fejn Ċipru ghandhom l-istess rati bħalna, jew 0.9%. Fejn jidħol persentaġġ ta’ testijiet kulma jlaħħaq 8.8% – aħjar minn Sqallija imma ferm agħar minn Malta.

Statistika miġbura mill-Institute for Health Metrics and Evaluation (IHME) tal-Università ta’ Washington, istitut prestiġġjuż li jirċievi mijiet ta miljuni f’fondi mill-Fondazzjoni ta Bill u Melinda Gates, tindika li fi Sqallija fl-eqqel tal-pandemija l-isptarijiet spiċċaw b’72% tas-sodod kollha tal-ITU użati. Dan ifisser aktar minn 360 sodda. F’Ċipru l-ammont ta’ sodod fl-ITU li kienu użati laħaq 80. Dan huwa ferm aktar mill-ftit każijiet serji li kien hawn f’pajjiżna. 

Sport