Saturday, November 23, 2024

Ir-rata tal-qgħad fl-UE tiżdied l-aktar fost iż-żgħażagħ

Aqra wkoll

F’April tal-2020, it-tieni xahar mindu l-biċċa l-kbira tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea daħħlu fis-seħħ miżuri biex jilqgħu għall-imxija tal-virus tal-Covid-19, ir-rata tal-qgħad għaż-Żona Ewro kienet ta’ 7.3%. Dan ifisser żieda ta’ 0.2% mix-xahar ta’ qabel.

Min-nħa l-oħra ir-rata tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 6.6%, żieda ta’ 0.2% minn Marzu. Dawn iċ-ċifri kienu ppubblikati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, Eurostat.

Il-Eurostat tistma li 14.079 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea, li 11.919 miljun minnhom huma miż-Żona Ewro, kienu qiegħda f’April li għadda. B’paragun ma’ Marzu dan ifisser żieda ta’ 397,000 persuna fl-UE, u 211,000 fiż-Żona Ewro.

Qgħad fost iż-żgħażagħ

F’April kien hemm 2.776 miljun persuna taħt il-25 sena li kienu reġistrati bħala qiegħda fl-UE. Minnhom 2.239 miljun kienu jinsabu fiż-Żona Ewro. Fl-istess xahar ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta’ 15.4% fl-UE u 15.8% fiż-Żona Ewro, żieda ta’ 0.8% u 0.7% rispettivament b’paragun max-xahar li għadda.

Meta mqabbel ma’ Marzu n-numru ta’ żgħażagħ qiegħda żdiedu b’159,000 fl-Unjoni Ewropea u 89,000 fiż-Żona Ewro.

Sport