Friday, November 15, 2024

Ir-rata tat-tkabbir ekonomiku mistennija titnaqqas b’aktar minn wieħed fil-mija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waħda mill-problemi li bħalissa qed tolqot bil-kbir lil pajjiżna hi dik tal-inflazzjoni. Din hi problema li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi Ewropea u l-pajjiżi madwar id-dinja. Fl-aħħar jiem iltaqgħu bejniethom il-Ministru tal-Finanzi taż-żona Ewro, bl-għan prinċipali tal-laqgħa ikun dak li jiddiskutu u joħorġu b’soluzzjonijiet ta’ kif se tiġi miġġielda l-inflazzjoni. Kollox qed jindika li meta nhar il-Ħamis jinħareġ it-tbassir tar-rata tat-tkabbir ekonomiku għas-sajf u għax-xhur ta’ wara, dan se jkun inqas minn dak li kien ġie previst qabel.

Sorsi qrib il-Gvern meta tkellmu ma’ Talk.mt saħqu li “minkejja dak li qed jiffaċċjaw l-ekonomiji Ewropej li intalqtu bil-kbir minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, qed naraw li t-tkabbir ekonomiku kien reżiljenti għal dak li ffaċċja.  Minkejja dan, meta nhar il-Ħamis jinħareġ it-tbassir hu mistenni li t-tbassir r-rata ta’ tkabbir għas-sajf titnaqqas u anke se titnaqqas dik għax-xhur ta’ wara. Hu mistenni li l-inflazzjoni se tkompli tiela’, għallinqas sa l-aħħar ta’ din is-sena. Hu mistenni li t-tnaqqis fir-rata ta’ tkabbir ekonomiku għal din is-sena se titnaqqas bi ftit aktar minn 1 fil-mija”. L-istess sorsi qalulna li “qegħdin nistennew li din iż-żieda qawwija fil-prezzijiet li għaddejjin tikkalma, s-sena d-dieħla. Il-previżjoni huma li s-sena d-dieħla l-inflazzjoni se tkun fil-livell ta’ 3 fil-mija jew inqas fiż-żona Ewro”. 

Irid jingħad li oriġinarjament il-Kummissjoni Ewropa kienet ipproġettat li t-tkabbir ekonomiku għal din is-sena kellu jkunj ta’ 4 fil-mija. Dan issa hu mistenni li jkun rivedut  nhar il-Ħamis għal ftit anqas minn 3 fil-mija.  Waqt li għas-sena d-dieħla kien ibassar tkabbir ekonomiku ta’ 2.7 fil-mija dan mistenni jitnaqqas b’0.5 fil-mija għal tkabbir ta’ 2.2 fil-mija. 

Kuntrarjament għal dan l-inflazzjoni qed ikun imbassar li se tkompli tiela, u waqt li kien stmat li din kienet se tilħaq it-3.5 fil-mija, din issa telgħet għal aktar minn 6 fil-mija u f’xi pajjiżi laħqet it-8 fil-mija. 

Biex jilqgħu għal dan matul dan ix-xahar għall-ewwel darba fi 11-il sena il-Bank Ċentrali Ewropew mistenni li jgħolli ir-rati ta’ interessi. Dawn mistennija jogħlew ukoll f’Settembru fejn sa Ġunju li ġej b’kollox hu previst li jkunu żdiedu bi tnejn fil-mija. 

Ekonomija

Sport