Wednesday, December 25, 2024

Ir-Re Karlu milqugħ b’għajjat ta’ protesta f’Canberra

Aqra wkoll

Ir-Re Karlu III tar-Renju Unit iffaċċja għajjat ta’ “inti m’intix ir-Re tiegħi” minn senatriċi indipendenti eżatt wara li temm id-diskors tiegħu fil-Parlament tal-Awstralja fit-tieni jum tal-impenji uffiċjali tiegħu fil-pajjiż.

Is-senatriċi Lidia Thorpe, mara Aboriġina Awstraljana, interrompiet iċ-ċerimonja fil-belt kapitali ta’ Canberra billi qanqlet kommossjoni u għajjat għal madwar minuta qabel ma ġiet skortata ‘l bogħod minn membri tas-sigurtà.

Ir-Re kien għadu kemm niżel minn fuq il-podium biex jerġa’ jingħaqad mar-Reġina Camilla bilqiegħda fuq il-palk meta Thorpe bdiet tgħajjat hekk kif bdiet miexja ‘l quddiem minn wara tal-assemblea.

Wara li għamlet pretensjonijiet ta’ ġenoċidju kontra l-aboriġini, bdiet tgħajjat “Din mhix art tiegħek, m’intix ir-Re tiegħi”. L-Awstralja hija pajjiż tal-Commonwealth fejn ir-Re huwa l-kap tal-istat.

Iċ-ċerimonja spiċċat mingħajr ebda referenza għall-inċident, u l-koppja rjali pproċediet biex tiltaqa’ ma’ mijiet ta’ nies li kienu qed jistennewhom barra biex isellmuhom.

Thorpe, hija senatur indipendenti minn Victoria u ilha taħdem biex ikun hemm trattat bejn il-gvern tal-Awstralja u l-ewwel abitanti tagħha, l-aboriġini. L-Awstralja hija fil-fatt l-unika ex-kolonja Brittanika li għadha mingħajr dan it-trattat, u ħafna nies Aboriġini u tal-Gżira tal-Istrett ta’ Torres jenfasizzaw li qatt ma ċedew is-sovranità jew l-art tagħhom lill-Kuruna Ingliża.

Bl-għajjat tagħha, jidher li Thorpe riedet tibgħat messaġġ ċar lir-Re u qalet li dan kellu bżonn jagħti struzzjonijiet lill-Parlament biex jiddiskuti trattat ta’ paċi mal-popli indiġeni tal-pajjiż.

“Nistgħu naslu għal dan, nistgħu nagħmlu dan u nistgħu nkunu pajjiż aħjar iżda ma nistgħux nibqgħu nbaxxu rasna lejn il-kolonizzatur, li l-antenati tiegħu huma responsabbli għall-qtil u l-ġenoċidju tal-massa.”

Thorpe, li kienet liebsa mantell tradizzjonali tal-ġilda, kienet iddeskriviet lir-Reġina Eliżabetta II bħala “kolonizzatur” meta ngħatat il-ġurament bħala senatur fl-2022.

Minkejja l-protesta ħafna oħrajn kienu ferħanin jaraw lill-koppja rjali, bin-nies fil-kju barra l-Parlament fix-xemx sħuna ta’ Canberra ixejjru bnadar Awstraljani.

Iż-żjara rjali f’Canberra kienet dejjem se tmiss mal-istorja tal-Awstralja mal-popli Indiġeni tagħha, iżda l-intervent ta ‘Thorpe fisser li r-Re u r-Reġina ffaċċjawha b’mod aktar dirett milli kien ippjanat inizjalment.

Ir-Re Karlu u r-Reġina Camilla kienu waslu f’Canberra aktar kmieni matul il-jum u ġew milqugħa minn politiċi, tfal tal-iskola u Ngunnawal Zija Serena Williams, rappreżentanta tal-poplu Indiġenu. Huma ngħataw merħba tradizzjonali fis-Sala l-Kbira tal-Kamra tal-Parlament ta’ Canberra.

Il-Palazz ta’ Buckingham ma għamel l-ebda kumment uffiċjali dwar il-protesta ta’ Thorpe, u minflok iffoka fuq il-folol li nġabru biex jaraw lill-koppja rjali f’Canberra.

Għal għexieren ta’ snin, l-Awstralja ddiskutiet jekk għandhiex titlaq mill-monarkija u ssir repubblika. Fl-1999 il-mistoqsija tressqet lill-pubbliku f’referendum li huwa l-uniku mod biex tinbidel il-kostituzzjoni tal-Awstralja iżda l-proposta ntelbgħet b’mod qawwi ħafna.

L-istħarriġ juri li l-appoġġ għall-moviment kiber minn dak iż-żmien ‘l hawn, u l-Prim Ministru tal-pajjiż Anthony Albanese, huwa repubblikan għal snin twal.

Madankollu, il-gvern ta’ Albanese eskluda li jwettaq it-tieni referendum dwar il-kwistjoni f’qasir żmien, wara li s-sena li għaddiet sar referendum bla suċċess dwar ir-rikonoxximent tal-popli Indiġeni.

Ekonomija

Sport