Tuesday, February 10, 2026

Ir-Re Karlu se jappoġġja lill-pulizija fl-investigazzjoni dwar ħuh Andrew 

Aqra wkoll

Ir-Re Karlu tar-Renju Unit għamel l-ewwel intervent tiegħu fl-aħħar sensiela ta’ rivelazzjonijiet fl-iskandlu ta’ Epstein, fejn iddikjara li lest jappoġġja lill-pulizija li qed jikkunsidraw li jinvestigaw allegazzjonijiet kontra ħuh, l-eks prinċep, Andrew Mountbatten-Windsor.

Kelliem għall-Palazz Buckingham qal li r-Re għamel b’mod ċar, bil-kliem u permezz ta’ azzjonijiet bla preċedent, it-tħassib profond tiegħu dwar l-allegazzjonijiet li qed ikomplu joħorġu fid-deher fir-rigward tal-imġiba ta’ ħuh Andrew Mountbatten-Windsor.

L-istess kelliem qal ukoll li filwaqt li t-talbiet speċifiċi inkwistjoni huma għal Mountbatten-Windsor biex jindirizzahom, b’danakollu, jekk jiġi kkuntattjat mill-Pulizija ta’ Thames Valley, il-Palazz Buckingham lesti li jappoġġjawhom.

Il-Pulizija ta’ Thames Valley ikkonfermat li qed tivvaluta jekk hemmx raġunijiet biżżejjed biex tinvestiga lment mill-grupp kontra l-monarkija li rrapporta lil Mountbatten-Windsor għal suspett ta’ mġiba ħażina f’kariga pubblika u ksur ta’ sigrieti uffiċjali.

L-imejls mil-lott ta’ fajls ta’ Epstein li ġew rilaxxati riċentement jidhru li juru lill-eks prinċep jgħaddi rapporti ta’ żjarat f’Singapore, Hong Kong u l-Vjetnam u dettalji kunfidenzjali ta’ opportunitajiet ta’ investiment.

Wara l-vjaġġi, fit-30 ta’ Novembru 2010, jidher li bagħat rapporti uffiċjali ta’ dawk iż-żjarat mibgħuta mill-konsulent speċjali tiegħu ta’ dak iż-żmien, Amit Patel, lil Epstein, ħames minuti wara li rċevihom.

Kien hemm ukoll dettalji ta’ opportunitajiet ta’ investiment fl-Afganistan, deskritti bħala “kunfidenzjali”, li jidhru li ġew mgħoddija lil Epstein fl-24 ta’ Diċembru 2010.

Taħt gwida stretta uffiċjali, il-mibgħuta kummerċjali għandhom l-obbligu ta’ kunfidenzjalità dwar informazzjoni sensittiva, kummerċjali jew politika dwar iż-żjarat uffiċjali tagħhom.

Id-dikjarazzjoni tal-Palazz ta’ Buckingham tgħid li l-ħsibijiet u s-simpatiji tar-Re u r-Reġina kienu, u jibqgħu, mal-vittmi ta’ kull forma ta’ abbuż.

L-intervent tal-Palazz ta’ Buckingham isegwi stqarrija preċedenti mill-kelliem għall-Prinċep u l-Prinċipessa ta’ Wales, fejn qalu li kienu “mħassba ħafna” bl-aħħar rivelazzjonijiet dwar Epstein.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport