Tuesday, January 13, 2026

IR-RE TA’ ARAGONA RIED JIKKONTROLLA S-SALINI TAL-MELLIEĦA

Aqra wkoll

Il-melħ tant kien prezzjuż li r-Re ta’ Aragona ried jikkontrolla hu lil min jikru s-salini tal-melħ fir-raħal tal-Mellieħa li ħa ismu mill-melħ. Mappa ta’ Malta fl-1551 turi dawn is-salini l-Għadira fejn illum hemm ir-riserva naturali. Is-salini ġew abbandunati mal-bqija tar-raħal minħabba l-attakki kontinwi mill-pirati.

Il-melħ, it-teżori moħbija, il-korrimenti fuq il-post tax-xogħol, il-bżonn li nħarsu l-ambjent mill-kilba tal-ispekulaturi, il-bdiewa, is-sajjieda, il-blat u l-għelieqi, it-taħlit ma’ nies ta’ reliġjonijiet oħra sa mill-bidù li r-raħal reġa’ ħa l-ħajja ftit inqas minn 200 sena ilu u kif il-ħajja tal-Maltin bdiet titjieb meta bdew imexxu lilhom infushom … kienu fost ir-realtajiet li ġew diskussi meta grupp sabiħ ta’ nies iltaqgħu fi preżentazzjoni li saret tal-ktieb ‘Frak mill-istorja – ħarsa minn taħt’ ta’ Evarist Bartolo maħruġ mis-SKS.

L-attività saret bħala parti mill-programm ta’ ċelebrazzjoni ta’ 50 sena mill-ftuħ taċ-Ċentru Laburista fil-Mellieħa. Bix-xieraq intqal li dan iċ-ċentru ma nfetaħx sempliċiment bħala għan fih innifsu iżda bħala mezz biex jaħdem għat-titjib tal-ħajja tal-poplu-ħaddiem.

Id-diskussjoni ma kinetx xi passiġġata nostalġika dwar xi passat romantiku ta’ meta l-ħajja kienet iżjed sempliċi. In-nies ta’ qabilna batew ħafna fi żmien li pajjiżna ma kienx jitmexxa mill-Maltin stess u allura kienu jġu l-aħħar f’pajjiżhom stess. Hemm il-periklu li jiġrilna l-istess jekk ma nsalvawx is-sovranità tagħna, qal Evarist Bartolo. Iċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentru ngħaqdet maċ-ċelebrazzjoni ta’ nies mill-Mellieħa bħall-istoriku Godfrey Wettinger u l-pittur George Fenech li tefgħu dawl fuq il-ħajja fir-raħal matul iż-żminijiet, wieħed bir-riċerka storika u l-ieħor bil-pittura … bit-tnejn jemmnu fil-valuri tal-ġustizzja soċjali, tal-ħelsien u tal-ħarsien ambjentali.

Ħa sehem ukoll Jeffrey Sammut li bħal storiċi oħra mill-Mellieħa qed ikompli jirriċerka u jirrakkonta l-ħajja tan-nies tar-raħal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport