Jidher li r-Re ta’ kull żmien tal-football qed joqrob lejn it-tmiem ta’ ħajtu.
Il-familja tal-leġġendarju Brażiljan, Pelé, inġabret l-isptar hekk kif il-kundizzjoni tiegħu qed tmur għall-agħar – b’bintu wegħdet li se tibqa’ maġenbu sal-aħħar hekk kif ġismu mhux qed jirrispondi aktar għall-kura tal-kanċer li nfirex ma’ ġismu kollu.
Pelé, 82 sena, li f’Settembru 2021 tneħħielu tumur fl-imsaren, iddaħħal fl-Isptar Albert Einstein, f’Sao Paulo, fid-29 ta’ Novembru.
Fil-jiem li għaddew stqarrija mill-isptar kienet tgħid li: “li Pelé kien jeħtieġ aktar kura “konnessa ma’ disfunzjoni tal-kliewi u tal-qalb.”
It-tifla ta’ Pelé, Kely Nascimento, ħabbret li membri tal-familja tiegħu se jqattgħu l-Milied fl-isptar miegħu.
Fil-jiem li għaddew, fuq Instagram, hija tellgħet ritratt kommoventi ta’ missierha f’sodda tal-isptar waqt li kienu qed jgħożżu ‘lejl ieħor flimkien’ hekk kif huwa jkompli l-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer.
“Aħna nibqgħu hawn, fil-ġlieda u fil-fidi. Lejl ieħor flimkien” kitbet bintu Kely Nascimento fuq Instagram, flimkien ma’ ritratt ta’ Pelé fis-sodda.