Friday, January 31, 2025

Ir-reati fil-Ħamrun naqsu

Aqra wkoll

Il-preżenza tal-pulizija fit-toroq u fil-komunitajiet tagħna hija importanti għas-sigurtà ta’ kull wieħed u waħda minnha. Hija proprju din it-tip ta’ strateġija li l-Gvern preżenti qiegħed iħaddan għal serħan il-moħħ fis-soċjetà. Strateġija li biha n-numru tal-pulizija fit-toroq tagħna hija hemm bil-fatti fejn dawn jaħdmu b’mod proattiv u mhux biss f’każi fejn jissejħu għall-għajnuna.

Huwa proprju dan li speċifika l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri fil-Parlament dwar x’ħidma qiegħda ssir b’mod speċifiku fl-inħawi tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun biex jilqgħu għal reati f’din iż-żona. Mill-informazzjoni li ngħata, b’mod pożittiv, jirriżulta li fil-Ħamrun l-ammont totali ta’ rapporti ta’ reati li saru s-sena l-oħra kien ta’ 23% inqas minn dawk fis-sena 2023. 

Il-Ministru Camilleri elabora li, “anke każ wieħed huwa ta’ nkwiet u għalhekk ma nistgħu qatt nieqfu nsaħħu l-ħidma għal aktar sigurtà. Ninsab infurmat li numri ta’ reati kommessi fit-toroq fil-Ħamrun juru, li l-ammont ta’ serq lanqas kien irrapuratat mis-sena 1998. Kien hemm ukoll l-inqas numru ta’ ħsara rrapportati fl-istess perjodu u ċioè mis-sena 1998 u kien hemm it-tieni l-inqas ammont ta’ reati relatati ma’ offiżi fiżiċi fuq il-persuni rrapportati, għal darba oħra mis-sena 1998”.

Filwaqt li radd ħajr lill-ħaddiema kollha tal-Korp tal-Pulizija għall-ħidma li qegħdin jagħmlu fil-Ħamrun, huwa spjega li jsiru rondi u spezzjonijiet inkluż fl-inħawi tal-Kunċizzjoni, il-Ħamrun li saret referenza għalihom. “Dawn isiru kemm mill-Pulizija tad-distrett kif ukoll dawk tat-taqsima tal-Pulizija Komunità, kif ukoll mill-Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit. Tlabt li anke dawn ikunu msaħħa,” kompla l-Ministru Camilleri.

Huwa saħaq kif “domandi bħal dawn jimmarkaw ukoll kemm huwa importanti li jkollna aktar pulizija fit-toroq b’mod proattiv u mhux biss xogħol reattiv. Din hija l-istrateġija ta’ dan il-Gvern”.

Sadanittant, filwaqt li l-istatistika turi li l-miżuri dwar il-prevenzjoni ta’ kriminalità li bħalissa huma fis-seħħ qegħdin jagħtu riżultati sinifikanti, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol qiegħed ikompli jagħti r-riżorsi lill-Korp tal-Pulizija biex jittieħdu iktar inizjattivi bil-għan li kulħadd josserva l-liġi kif mistenni. Din il-ħidma ta’ prevenzjoni tibqa’ ssir b’koperazzjoni mal-komunità. Rigward dan, il-Ministru Camilleri ħeġġeġ biex l-istess komunità dejjem tersaq ‘il quddiem u tkun parti minn din il-ħidma li “irridu nagħmlu flimkien”.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, kien qiegħed jirrispondi għal interpellanza magħmula mid-Deputata tal-PN, Paula Mifsud Bonnici.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport