Fi Strasburgu, l-Ewroparlamentari Laburisti Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada tkellmu mal-ġurnalisti u taw ir-reazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-votazzjoni għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew fejn ġie eletta Roberta Metsola.
Il-Viċi President fi ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-PE Alex Agius Saliba, qal li huwa ddeċieda li jastjeni milli jivvota f’din l-elezzjoni minħabba l-fatt li huwa jimxi b’konsistenza ma’ dak li dejjem qal tul il-kampanja elettorali li għaddiet.
Qal li huwa ma setax jagħti l-appoġġ tiegħu lil Metsola minħabba numru ta’ prinċipji li għalih huma importanti wisq u li l-istess Metsola aġixxiet kontra tagħhom matul dawn l-aħħar sentejn u nofs u wisq anqas lill-kandidata Spanjola li bl-istess mod għandha prijoritajiet differenti minn tiegħu fosthom dak li l-abort jiġi impost bħala dritt f’kull stat membru.
Fl-istess waqt, Agius Saliba qal li Metsola naqset milli tindirizza kwistjonijiet relatati mal-użu tal-lingwa Maltija fil-kumitati tal-PE.
Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard qal: “Kontra Malta qatt. Però hekk ukoll ma nistax nivvota favur min ġab l-avvanz personali qabel l-interess nazzjonali. Għalhekk, b’konsistenza ma’ dak illi għedt matul il-kampanja u b’konvinzjoni fil-prinċipji tiegħi, għażilt li nastjeni.”
Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti, l-MEP Thomas Bajada qal li: “jien ivvotajt għal Roberta, minkejja li ġejja minn Partit differenti bi twemmin politiku differenti. Jien għażilt li nagħmel dan għaliex ridt nivvota għal Maltija bħali. Għaliex nemmen li għandna bżonn vuċijiet Maltin fl-ogħla karigi tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali.”
Huwa qal li dan ma jfissirx li se jaqbel ma’ Metsola f’kollox, però jemmen li dan huwa l-impenn ta’ kull Malti u Għawdxi li dak li jkun jara li f’każijiet oħrajn fejn hemm Maltin u Għawdxin li se jkunu qed jersqu lejn karigi internazzjonali u Ewropej, li nkunu aħna l-Maltin stess li naħdmu magħhom.