Wednesday, July 24, 2024

Ir-reazzjonijiet tal-GWU dwar ir-riformi fil-permessi tal-ħaddiema barranin

... Il-Liġi dwar l-Impjiegi u l-Public-Private Partnerships

Aqra wkoll

Matul it-tieni laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD għal din is-sena, flimkien mal-imsieħba soċjali r-rappreżentanti tal-GWU filwaqt li rrikonoxxew l-irwol importanti li għandhom kemm l-Aġenzija Identità kif ukoll id-DIER fost oħrajn, iddiskutew ir-reazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar l-aġenda diskussa li kienet titratta l-proċessi tal-ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi u s-settur tax-xogħol. 

“Hekk kif ingħatajna aktar dettalji rigward id-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin minn barra l-Ewropa, dwar il-proċeduri qabel ma jiġu aċċettati l-ħaddiema barranin, biex isiru parti mill-ekonomija nazzjonali nisħqu li l-proċess tal-applikazzjoni tal-permessi tal-ħaddiema barranin għandu jkun iffaċilitat għalihom, titnaqqas il-burokrazija filwaqt li jkun wieħed effiċjenti,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja. 

Żied jgħid li l-awtoritajiet għandhom jaraw li jinqatgħu l-abbużi mill-aġenziji li japplikaw għall-ħaddiema barranin, biex ma jġibux aktar ħaddiema milli jkun meħtieġ. Persuni li jinfirdu minn pajjiżhom, mill-qraba tagħhom b’aspirazzjonijiet ta’ futur aħjar, li mbagħad jaffaċċjaw realtajiet wisq differenti minn dak ippjanat u mwiegħed. 

Il-GWU tirrakkomanda wkoll biex il-ħaddiema kollha barranin li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jidħlu f’pajjiżna bis-single work permit, filwaqt li tiżdied aktar il-viżibilità tal-ħaddiema speċjalment dawk li jaħdmu fuq il-laneċ tas-sajd u dawk domestiċi fid-djar privati. Dan kollu biex jitnaqqsu sew l-abbużi li qed isiru fuq dawn il-ħaddiema f’pajjiżna. 

Il-GWU kienet waħda mill-imsieħba soċjali li pproponiet biex l-Aġenziji tal-Outsourcing jiġu regolarizzati u ħadet sehem b’mod attiv fl-ERB fl-ippjanar tal-liġi. Liġi li toffri regolamenti u standards għall-operazzjonijiet tal-aġenziji kemm dawk tat-temping, kif ukoll tal-outsourcing, u b’hekk tiżgura prattiki ta’ reklutaġġ etiċi u approċċ ta’ tolleranza żero fl-isfruttament tal-ħaddiema. Riforma li se tifred il-poteri ta’ dawk l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema minn barra u dawk li jħaddmuhom.  

“Proposta oħra li għad tikkumplimenta dan kollu hija d-dħul tal-liġi għal ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur. Miżura li permezz tagħha tipproteġi lill-ħaddiema f’pajjiżna filwaqt li jkollna aktar xogħol ta’ livell għoli,” żied jgħid is-Segretarju Ġenerali. 

Fil-każ tal-public-private partnerships, il-GWU taqbel perfettament ma’ din l-għaqda bejn l-investiment privat u l-assi tal-gvern biex ikunu offruti opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’pajjiżna għal servizzi effiċjenti u ta’ kwalità. Madankollu tkompli tisħaq kif dejjem għamlet, li s-servizzi l-aktar essenzjali f’pajjiżna għandhom jibqgħu dejjem taħt il-kappa tal-Gvern biex jiġu żgurati l-aqwa benefiċċji għas-soċjetà. 

Ekonomija

Sport