Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Ilni nħobb nilgħab il-futbol minn mindu kont żgħir, imma kelli l-ewwel opportunità tiegħi fl-età ta’ 16-il sena mat-tim Brażiljan ta’ Porto de Caruaru.
Kif ġejt tilgħab f’Malta?
Diġà kien hemm possibbiltà ta’ trasferiment għal ma’ Hibernians FC fl-aħħar tieqa tat-trasferimenti, imma l-klabb li kont miegħu qabel ma kienx ħallieni niċċaqlaq. Sadanittant, itterminajt il-kuntratt tiegħi mal-klabb li kont nilgħab miegħu qabel, u meta reġgħet ġietni l-opportunità li ningħaqad ma’ Hibernians, ma ħsibthiex darbtejn!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Hibernians FC.
Hija esperjenza tassew inkredibbli, bi grupp ta’ plejers li huma tassew gwerriera fil-grawnd! Il-klabb għandu struttura ta’ xogħol tajba u nies li jilqgħuk tajjeb ħafna. Kull fejn jagħżilni l-kowċ, nagħmel l-almu kollu tiegħi fi kwalunkwe pożizzjoni, imma nippreferi nilgħab bħala difensur fuq il-lemin, sieqi t-tajba, peressli lgħabt ukoll bħala midfielder difensiv u f’pożizzjonijiet oħra.
X’tista’ tgħid dwar l-istaġun li għadda, fejn temmejtuh bl-aqwa mod possibli bir-rebħ tal-Meridianbet FA Trophy?
Kien staġun diffiċli ħafna ikkaratterizzat minn ħafna tlugħ u nżul. Tlifna plejers matul it-tieqa ta’ trasferimenti ta’ nofs l-istaġun, kif ukoll plejers oħra li waslu biex jgħinu u fl-aħħar ġejna kkumpensati bir-rebħ tal-FA Trophy, li kien riżultat ta’ ħafna xogħol u dedikazzjoni.
U dwar il-kowċ, Branko Nisevic?
Il-kowċ Branko Nisevic, għandi biss affarijiet tajbin xi ngħid dwaru. Huwa persuna li għenni nevolvi ħafna matul l-istaġun, professjonist mill-aqwa. Nawguralu l-isbaħ xorti fil-karriera tiegħu u nirringrazzjah ukoll għal kull parir li tani.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Kont sorpriż għax fil-Brażil il-futbol huwa differenti minn pajjiżi oħra, imma hawn Malta wkoll huwa pjuttost diffiċli … futbol li jinvolci ħafna kuntatt u plejers tajbin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Irrid nitjieb f’xi aspetti imma naħseb li ninsab fit-triq it-tajba, se nkompli nagħti l-almu tiegħi fil-grawnd, min jaf xi darba nilgħab għal klabb kbir fl-Ewropa, u anke t-tim nazzjonali Brażiljan – qed naħdem għal dan!
Għaddi messaġġ finali lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tridu twettqu ħafna xogħol u dedikazzjoni u taqtgħux qalbkom mill-ħolm tagħkom. Xi darba tiġi l-opportunità u tridu tkunu ferm ippreparati!