Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table football?
Din qabel kienet logħba li kont issib tixtriha mill-ħwienet tal-ġugarelli u kont bdejt bħal ħafna tfal oħra minn hemm. Ovvjament kelli l-imħabba lejn il-futbol, għax il-logħba hija simili ħafna u fil-kunċett huma l-stess. Illum il-logħba evolviet u f’Malta hija meqjusa bħala sport. Illum l-apparat li nużaw huwa magħmul apposta għalina u mhux manifatturati biex ikunu ġugarelli.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess miksub minn Bormla SC, u anke minnek personali fil-Grand Prix tal-Ġermanja?
Kellna għeluq ta’ staġun mill-aqwa, peressli bħala Bormla SC irbaħna l-aħħar tliet tournaments li ħadna sehem fihom – Grand Prix tal-Italja ġewwa Messina, Major tal-Greċja ġewwa Ateni u Grand Prix tal-Ġermanja ġewwa Ludwigsburg. B’hekk bħala klabb, bqajna l-ewwel fir-rankings mondjali. Dawn huma suċċessi li waslu wara xhur ta’ prattika, kif ukoll wara xogħol tajjeb ferm, min-naħa tal-president Mauro Camilleri u s-Segretarju Josef Camilleri, li huma l-moħħ wara l-klabb ta’ Bormla SC.
Bħala klabb issa nistrieħu ftit u nibdew nippreparaw għaċ-Champions League li se ssir fl-Ingilterra f’Ottubru li ġej.
Personali, ir-rebħ tal-Grand Prix tal-Ġermanja, wasal wara ħafna xogħol matul din is-sena u wara li ġejt mhux inqas minn erba’ darbiet fit-tielet post, fl-aħħar erba’ tournaments li ħadt sehem fihom. Mix-xahar id-dieħel nibda nipprepara għall-Kampjonati Ewropej li ser isiru hawn Malta f’Settembtu ta’ din is-sena. Dan l-aħħar ukoll, ikkonfermajt li se nibqa’ nilgħab ma’ Bormla SC għal staġun ieħor.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer tat-table football.
Bħala plejer tat-table football, issa tista’ tgħid li ili mhux ħażin. Kont bdejt ma’ Ħ’Attard SC għal sentejn, wara għamilt seba’ snin ma’ Valletta SC fejn tgħallimt ħafna u għal erba’ snin kont mat-tim Taljan ta’ Sanremo. Issa qed nilgħab ma’ Bormla SC u dan huwa r-raba’ staġun tiegħi magħhom. Il-livell tal-logħba żdied ħafna u għalhekk trid dejjem tistinka u taħdem, biex tkun preparat għal-logħbiet li qed ikunu aktar iebsa, peressli l-livell dejjem qed jiżdied.
U dik bħala Segretarju tal-Malta Table Football Association.
Erġajt dħalt bħala Segretarju ta’ din l-Assoċjazzjoni wara nuqqas ta’ sentejn u tista’ tgħid li x-xogħol żdied ħafna. Illum ħafna mill-korrispondenza u applikazzjonijiet, iridu isiru onlajn. Din xi ħaġa ġdida għalija, imma naħseb li hija t-triq it-tajba. Fil-passat kont Teżorier u anke Direttur Sportiv, iżda r-rwol ta’ Segretarju jagħtini aktar sodisfazzjon, avolja fih ħafna aktar xogħol.
X’differenza hemm bejn li tkun plejer u amministratur?
Li tkun amministratur iġġorr ħafna aktar responsabbiltá u xogħol milli tkun plejer. Bħala Segretarju, dan ix-xogħol ikun kważi kuljum, iżda bl-għajnuna tal-president u anke tal-bqija tal-kumitat, dejjem ħdimna biex l-Assoċjazzjoni tibqa’ miexja ‘l quddiem, għall-ġid tal-membri kollha. Li tkun plejer, għandek it-taħriġ li trid tagħmel regolarment u tista’ tgħid, li tkun iffukat biss fuq il-logħob.
F’Settembru li ġej, se jsiru l-Kampjonati Ewropej tat-Table Football proprju ġewwa pajjiżna. Agħtina iktar dettalji.
Din il-kompetizzjoni se ġġib l-aqwa plejers Ewropej tat-Table Football ġewwa Malta, b’kompetizzjonijiet diversi li jvarjaw minn taħt it-12-il sena sa Veterani, li huma ‘l fuq minn 50 sena. Anke kompetizzjonijiet bejn il-pajjizi, fejn se jkollna tmiem il-ġimgħa mimli daqs bajda ta’ logħob, li ilu ma jkollna f’Malta mis-sena 2003. Qed naħdmu qatigħ biex ikollna kollox lest u dan ma setax isir jekk mhux bl-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), SportMalta u diversi sponsors oħra, li nirringrazzja minn qalbi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek kemm bħala plejer kif ukoll bħala Segretarju tal- Malta Table Football Association?
Bħala plejer apparti li nirbaħ mal-klabb li nkun miegħu, nixtieq li nerġa’ nirbaħ man-Nazzjonal. Meta jiġi xi unur minn plejer jew tim nazzjonali, tkun rebħet l-Assoċjazzjoni kollha. Bħala Segretarju, huma l-membri li jiddeċiedu jekk nibqax nokkupa din il-kariga. Fadal sena oħra biex isiru l-elezzjonijiet, imma personalment naħseb li qed naħdem tajjeb. Dejjem hemm fejn intejbu l-affarijiet, speċjalment biex ikollna post għalina fejn nipprattikaw l-isport tagħna. Qed ngħid hekk, għax ilna mas-16-il sena nitkellmu mal-awtoritajiet dwar post ċentrali biex inkunu nistgħu nħajru tfal jiġu jipprattikaw it-Table Football. F’dan l-isport, il-plejers Maltin huma fost l-aħjar fid-dinja u hija ħasra li mhux insibu għajnuna f’dan ir-rigward.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-table football.
L-isport kollu huwa sabiħ, għax permezz tiegħu żżomm ruħek attiv u tagħmel ħbieb ġodda. It-Table Football huwa sport li jintlagħab ġewwa u ma tridx ħafna apparat biex tkun tista’ tilgħabu. Kull min hu interessat, jista’ jsibna fuq il-paġna ta’ facebook tagħna – Malta Table Football Sports Association jew fuq is-sit uffiċjali ġdid tagħna – www.mtfsa.org.