Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball nibtet meta kelli sitt snin, fi żmien fejn tħajjart nibda nistħarreġ wara li rajt lill-kuġin tiegħi Karl jsegwi l-isport. Dak iż-żmien kont simultanjament mal-Basketball nitrenja l-għawn, il-Waterpolo u anki għal ċertu żmien il-Futbol, iżda l-Basketball kien l-iktar sport li baqa għal qalbi tul iż-żminijiet.
Inizzjalment il-Basketball kien joffri spazju fejn tiltaqgħa mal-ħbieb u sabiex tibni komunita, u filwaqt li l-isport għadu joffri l-istess privileġġi li kont ingawdi meta kont iżgħar, fil-jum preżenti l-Basketball joffri ħafna iżjed tagħlim li forsi tirrikonoxxihom fi proċess ta’ riflessjoni u ħsieb. Il-Basketball għamel parti kbira mill-iffurmar tal-karattru tiegħi, tant li saħħaħli l-persistenza, l-mod ta’ kif inqassam ħini u d-dixxiplina tul diversi mumenti sbieħ u koroh tal-ħajja. Is-siegħat waħdi fil-gym apparti t-taħriġ mat-tim għalmuni kif tassew nottjeni dak li rrid b’ħidma kontinwa, iżda wkoll b’ċertu bilanċ u proporzjonalita. It-taħriġ fl-isport huwa wieħed li jinvolvi ċertu sagrifiċċju, speċjalment meta tqabblu u tamalgamah mal-impenji kollha tal-ħajja, iżda pjuttost nemmen li huwa parti integrali mill-iżvilupp ta’ persunti u evidenza ta’ imħabbti lejn il-Basketball.
B’hekk filwaqt li l-imħabba tiegħi lejn l-isport tal-Baksetball nibtet minn sempliċiment kurjożita, żviluppat sakemm ġiet parti mir-rutina ta’ kuljum. L-istess rutina li ġġor magħha diversi privileġġi diskussi li jibqgħu jgħalmuk u jkabbruk waqt li joffrulek komunita’ liema bħalha minkejja iċ-ċokon tagħha.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Hibernians BC sa issa.
L-esperjenza tiegħi mal-Hibernians BC sa issa kienet waħda impekkabli. Il-Hibernians BC huwa klabb li jħaddan il-plejers miegħu u bena komunitá u ambjent li jirrifletti dan b’passjoni u dedikazzjoni liema bħala. Li issa dieħel fit-tmintax-il sena ta’ kemm ili nipprattika l-isport u minkejja li dan kien l-ewwel staġun tiegħi mal-klabb, l-Hibernians BC offrieli kemm spazju ta’ żvilupp fil-karriera sportiva tiegħi, komunita liema bħala, kif ukoll staġun b’riżultati tajbin fuq diversi kategoriji inkluż is-shield tal-ewwel diviżjoni, il-kampjonat tal-istess u l-kampjonat tal-kategorija ta’ taħt it-tlieta u għoxrin sena.
X’tikkummenta fuq il-fatt li matul l-aħħar staġun bħala klabb irbaħtu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena?
Mument surreali. Fejn qatt ma kont irbaħt kampjonat mal-klabb li kont nifforma parti minnu qabel, il-fatt li spiċċajna l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena mingħajr ma qlajna telfa, kien pass enormi l’quddiem sabiex nottjenu t-Tazza. L-avversarji tagħna fil-finali kienu tim impekkabli, u ġo finali tant divertenti ħadna l-kampjonat. Din ir-rebħa kienet grazzi għat-tim kollu tal-kategorija ta’ taħt it-tlieta u għoxrin sena u l-kowċ Silvio Cassar, fejn kollox beda mid-difiża tagħna li traxxendiet għal logħob eċċellenti fuq in-naħa l-oħra tal-court. Kienet parti mill-għanjiet tiegħi li nieħdu l-kampjonat ta’ din il-kategorija tul dan l-istaġun, iktar u iktar minħabba li dan kien l-aħħar staġun li kont ser inkun eliġibbli nilgħab fl-istess kategorija.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-basketball f’pajjiżna huwa wieħed li qiegħed kontinwament jiżdied tul kwalunkwe kategorija. Il-fatt li hemm diversi plejers Maltin li minn eta żgħira jieħdu inizzjattivi sabiex jitrenjaw barra minn xtutna u jiżviluppaw lilhom infushom fl-isport hija xi haġa li tgħin il-kwalita’ ta’ plejers li joħorġu, speċjalment meta jerġgħu lura Malta. Fl-ewwel diviżjoni, l-livell tal-isport ukoll qiegħed dejjem jgħola, b’logħob interessanti u kompetittivi immens li kważi fl-ebda staġun ma jkun hemm tim ċert li se jirbaħ kollox. Id-diversita kif ukoll l-esperjenzi barra mill-pajjiż fl-isport tal-Basketball huma fatturi imperattivi fil-ġurnata tal-llum li jkomplu jgħollu l-livell tal-isport, tant li fl-aħħar mill-aħħar jinħarġu plejers ta’ kwalita’ għolja fuq livell nazzjonali li kapaċi jġibu l-unuri.
U dak tar riżorsi fejn titharrgu u jkollkom il kompetizzjonijiet taghkom?
Tul dawn l-aħħar snin rajna żviluppi fil-padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali li tejbu il-kwalita’ tal-kompetizzjonijiet kif ukoll fejn wieħed jkun jista’ jilgħab l-isport b’mod informali fuq barra. Apparti minn hekk, li l-logħob kollu tal-ewwel diviżjoni qiegħed jiġi ‘livestreamed‘ fuq il-pjattaforma ‘Youtube‘ li jżid l-espożizzjoni tal-isport anki fuq livell internazzjonali b’faċilita. B’hekk kunfidentament naħseb li filwaqt li Malta gżira zgħira u pjuttost limitati, kien hemm u qed ikun hemm żvilupp fir-riżorsi ta’ fejn jkollna l-kompetizzjonijiet u nittama sabiex jkompli jsir iktar żvilupp biex jibqa jikber l-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Filwaqt li l-basketball huwa sport għal qalbi mmens, huwa pjuttost privileġġ li għadni nilgħab sal-ġurnata tal-llum u nittama li nkompli nilgħab sakemm jkolli s-saħħa biex nagħmel dan. Li nixtieq huwa li tul ħajti, anki wara li nieqaf nilgħab, dejjem nkompli nsegwi l-isport fuq kemm livell lokali kif ukoll internazzjonali u nibqa ninvolvi ruħi fejn nista’ fil-livell lokali, sa anki ma neskludix il-coaching iktar il-quddiem.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball.
Kwalunkwe messaġġ li nista’ ngħaddi għal kull min jixtieq jibda jipprattika l-basketball ma jgħoddx biss għal dan l-isport iżda għal kull aspettattiva tal-ħajja, għax finalment l-isport huwa tgħalima kontinwa għall-ħajja barra l-isport. Il-messaġġ li għandi jien hu li “Id-Dixxiplina u l-persistenza huma l-aktar għodod importanti li persuna għandu jkollu.” Il-Basketball huwa wieħed mill-iktar sports diffiċli li jeżistu, tant li jirrekjedi ammont ta’ ħin u dedikazzjoni sostanzjali sabiex wieħed isir profiċjenti fih, iżda l-ammont ta’ sodisfazzjon mir-riżultat tad-dixxiplina u persistenza huwa impekkabbli, tant li jġegħlek tħobb l-isport iktar u iktar.