Tuesday, December 16, 2025

‘Ir-rebħ tal-unur tal-Plejer tax-Xahar ta’ Novembru 2025 ferraħni speċjalment għax is-sagrifiċċju li nagħmel matul il-ġimgħat mhux għalxejn’ – Josephine Diaby

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?  

L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet bis-saħħa tal-għalliema tiegħi tal-Edukazzjoni Fiżika (PE), li dejjem ħeġġitni bis-sħiħ biex fil-brejk tal-iskola immur basketball flok ġinnstika. U fl-aħħar wara ħafna konsistenza rnexxielha tikkonvinċieni. Jien kont tifla kwieta u mistħija ħafna. Niftakarni mmur id-dar ngħid lil ommi x’kienet tgħidli l-għalliema biex immur nilgħab ma’ klabb.

Ommi qisha ma ħaditnix bis-serjetá mill-ewwel imma wara li għidtilha għal bosta drabi fl-aħħar qaltli biex immur. Missieri meta konna żgħar li kien għalih kien iqiegħdna ġo bozza biex żgur ma nweġġgħux imma niftakar kont mort għall-bidu mingħajr ma għidnielu xejn imbagħad l-affarijiet ġew f’posthom waħedom.

Niftakarni ġaladarba li bdejt ma kontx nitlef sessjoni ta’ taħriġ waħda, ġieli anke marida kont immur għat-taħriġ. Fl-ewwel sessjonijiet peressli kien għad ma kellix il-kulturá sportiva, niftakarni mmur għat-taħriġ, qisni sejra ‘picnic’! 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-unur li għadek kemm irbaħt … dak tal-Plejer tax-Xahar għal Novembru 2025 mill-Malta Basketball Association (MBA)?

Ir-rebħ tal-unur tal-Plejer tax-Xahar ta’ Novembru 2025 onestament ma kienx mistenni. Qatt ma mmur għal-logħob naħseb dwar l-istatistika jew il-punti tiegħi eċċ.. Ninżel nipprova nkun l-aħjar li nista’ nkun u dejjem iffukata.

Xi drabi huwa possibbli u xi drabi jeħtieġ ħafna aktar enerġija milli xi ħadd jaħseb minħabba l-ħajja ta’ kuljum.

Imma b’xi mod u bl-għajnuna t’Alla rnexxieli. Dan ferraħni speċjalment għax is-sagrifiċċju li nagħmel matul il-ġimgħat mhux għalxejn. Ħafna drabi jkolli nġorr lil ibni miegħi għat-taħriġ u nħossni ħatja għax inħoss li m’għandux ikun hu li jistenna lili imma bil-kontra.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, Hibernians BC, matul dan l-istaġun sa issa?

S’issa kien staġun mill-aqwa għalina, għandna nkunu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat mingħajr telfa. Ovvjament għad irridu nilagħbu aktar rawnds u t-triq hija twila ħafna, allura ma nistgħux nirrilassaw issa. Imma nemmen li t-tim kollu huwa kuntent ħafna għalkemm aħna konxji wkoll li għandna xi mumenti waqt il-logħob li rridu ntejbu għalhekk irridu nibqgħu umli u nkomplu naħdmu iebes.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-għan tagħna issa huwa r-rebħ tal-Kampjonat ovvjament.

Il-play-offs ġeneralment huma dejjem storja differenti u sa dakinhar hija triq twila. Nieħdu l-logħob waħda waħda u nippreparaw għal kull waħda minnhom bħallikieku hija l-aħħar logħba u l-finali tagħna.

 Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti sa issa.

Mat-tim nazzjonali Malti ilni nilgħab minn mindu kelli 14-il sena imma mat-tim tal-kbar ilni mill-2002 meta beda t-taħriġ għall-preparazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu se jsiru f’Malta fl-2003 u fejn Malta konna rbaħna l-ewwel midalja tad-deheb fl-istorja. Għandi 14-il midalja b’kollox u naħseb li dan huwa tragward kbir. Mat-tim nazzjonali Malti lgħabt 91 darba, fejn ksibt 49 rebħa u 42 telfa, b’total ta’ 1235 punt.

X’unuri prinċipali rbaħt kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim fil-karriera tiegħek sa issa?

Għandi diversi unuri bħall-Plejer tas-Sena, Plejer tax-Xahar eċċ., All star 5 ta’ meta konna nkunu mat-tim nazzjonali Malti f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna, u bosta midalji tad-deheb, fidda u bronż waqt il-kompetizzjonijiet li nipparteċipaw fihom.

Kif tqis il-livell tal-basketball lokali fil-preżent?

Il-livell dejjem jitjieb naħseb. Il-fatt li jħallu l-plejers barranin jipparteċipaw fil-kampjonat tagħmel differenza minħabba l-fatt li l-livell jogħla u allura tispiċċa tittrenja ma’ plejers li jagħtuk sfida. Dan jintwera wkoll fil-logħob li nilagħbu mat-tim nazzjonali Malti bir-riżultati li niksbu.

U dak tar-riżorsi (Padiljun) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Il-Padiljun ta’ Ta’ Qali huwa l-post fejn nilagħbu u naħseb li huwa gym vera sabiħ u ta’ livell għoli. L-investiment li għamlet il-Malta Basketball Association kien vera ‘worth it’. It-tined għalkemm huma tined ippermettew li l-klabbs jittrenjaw f’postijiet kif xieraq u kif tassew jistħoqqilhom. Ċerti klabbs m’għandhomx il-‘premises’ tagħhom u li kieku ma kinux dawk it-tined konna probabilment nispiċċaw nittrenjaw f’courts vera żgħar li mhumiex ta’ qies realistiku u li ma jippermettux li tipprepara għal-logħob kif suppost.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Il-messaġġ tiegħi huwa dejjem l-istess – dak li jkunu konsistenti f’dak li jixtiequ jeċċellaw fih. Jien inħares lura u ngħid kif kont nagħmel dak li kont nagħmel. Probabbli llum il-ġurnata għax għandi prijoritajiet oħra f’ħajti ma nagħmilhomx imma dak iż-żmien kelli objettivi differenti u kont mimlija enerġija. Kont naħdem hafna u ma kont inħalli lil xejn u lil ħadd jidhol bejni u bejn il-basketball!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport