Sunday, November 9, 2025

Ir-rebħa ta’ Mamdani: Lezzjoni għall-politika progressiva – L-Ewroparlamentari Daniel Attard

Aqra wkoll

Ir-rebħa ta’ Mamdani fi New York mhijiex sempliċiment suċċess elettorali fuq livell lokali. Hija eżempju ċar ta’ kif il-vuċi tal-ħaddiem tista’ terġa’ tqum kontra l-vuċi tan-nies tal-flus. F’sistema fejn il-biljunarji jiddominaw il-kampanja politika u l-mezzi tal-komunikazzjoni, Mamdani rnexxielu jirbaħ mhux għax kellu aktar riżorsi, imma għax kellu aktar fiduċja mill-poplu.

F’kumment li għamel l-Ewroparlamentari Daniel Attard dwar ir-rebħa Mamdani, qal li, “Mamdani rebaħ minkejja li l-biljunarji ppruvaw iwaqqfuh. Minkejja li l-partit tiegħu stess ma kienx warajh. U rebaħ għax għażel li jitkellem fuq l-affordabbiltà, il-kera, u l-ħajja ta’ kuljum, temi li ħafna politiċi jippreferu jħallu fil-ġenb biex ma joqorsux lil min għandu l-poter ekonomiku.

Il-messaġġ tiegħu kien sempliċi, imma profond: politika li tmiss il-ħajja tan-nies, li tgħin lill-familji jlaħħqu mal-ħajja. Messaġġ li jqiegħed il-ħajja ta’ kuljum quddiem l-ideoloġiji astratti, u li jagħti lezzjoni għal ħafna politiċi fil-moviment progressiv madwar id-dinja. Għax ir-rebħa ta’ Mamdani mhijiex biss każ ta’ elezzjoni f’belt Amerikana; hija strateġija universali ta’ kif tista’ tiġi ppreżentata u mifhuma l-politika progressiva.

Hija wkoll tfakkira li l-lemin estrem m’għandux monopolju fuq l-uġigħ tal-klassi tal-ħaddiema. Il-populiżmu tal-lemin jidħol fejn il-progressivi jirtiraw. Jekk il-progressivi jitkellmu biss fil-lingwa tal-istatistika u mhux tal-ġlieda ta’ kuljum, in-nies iħossuhom abbandunati u jmorru lejn min jagħtihom sempliċement sens ta’ smigħ , anke jekk b’messaġġ mibni fuq mibegħda jew biża’.

Mamdani wera li meta l-progressivi jitkellmu b’mod onest, konkret u marbut mal-ħajja tan-nies, jistgħu jerġgħu jirbħu l-fiduċja tal-klassi medja u tal-ħaddiema. Li l-politika ma tistax tibqa’ biss fuq il-livell tal-astratti jew tal-kampanji tal-immaġini. Irridu politika li terġa’ tagħti tifsira lill-kelma “servizz pubbliku”.

Ir-rebħa ta’ Mamdani mhix biss storja ta’ suċċess personali, imma hija sinjal ta’ bidla kulturali fil-mod kif nagħmlu politika: minn fuq għal isfel, jew mill-poplu ’l fuq. Għax fl-aħħar mill-aħħar, meta politika tkun ibbażata fuq il-ħajja tan-nies, anke kontra kull kurrent, tirbaħ dejjem”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport