L-għażla tal-UEFA tar-referee, Francois Letexier, biex jikkontrolla l-finali tal-Euro 2024, li se tintlagħab għada bejn Spanja u l-Ingilterra, qed titqies bħala sorpriża kbira mad-dinja tal-uffiċjali tal-logħba minħabba li huwa lanqas huwa meqjus bħala referee tal-ogħla klassi fi Franza stess.
Dan ifisser li l-aktar referee Franċiż dekorat ta’ żmienna, Clement Turpin, li kkontrolla l-finali tal-UEFA Champions League u tal-UEFA Europa League fost oħrajn, ġie mwarrab għal kollox.
Iżda fil-veritá, Turpin ma kienx f’din l-għażla minħabba l-iżbalji li kien ikkommetta fil-logħba inawgurali ta’ dan it-tournament, bejn il-Ġermanja u l-Iskozja (5-1).
Bla dubju, din il-finali ma tistax tingħata lir-referee Spanjol jew Ingliż għal raġunijiet ovvji. Iżda l-aktar wieħed favorit kien it-Taljan, Daniel Orsato, li wara dan it-tournament se jirtira u għaldaqstant din il-partita kienet tkun l-addio ġust għalih li serva l-logħba għal tant snin.
Il-Pollakk, Szymon Marciniak, ukoll kien qed jiġi kkunsidrat iżda minħabba l-fatt li bħalissa jinsab f’kuntatti mal-FA tal-Arabja Sawdija biex imur jirreffja fis-Saudi Pro League kif ukoll għadu qed jiġi ppersegwitat fil-Ġermanja minħabba l-kontroll ‘mhux korrett’ li bih Bayern Munich sfaw eliminati fis-semi-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid, ma ngħatax din ir-responsabbiltá.
Kien wara li analizzat il-lista ta’ kandidati li l-UEFA għażlet lil Letexier, 35 sena, li qed jidher fl-ewwel tournament internazzjonali tiegħu.
Huwa laħaq il-kredenzjali kollha f’dan il-Euro b’kontroll impekkabbli u mingħajr ebda kontroversja. Huwa jibqa’ mfakkar ukoll għall-kontroll sublimi tal-finali tas-Super Cup Ewropea, fl-2023, bejn Manchester City u Sevilla, li l-Ingliżi rebħu 5-4 bil-penalties wara draw ta’ 1-1.
Mingħajr l-ebda esperjenza li finali bħal din iġġib magħha pressjoni kbira, Letexier se jkun taħt il-mikroskopju għal kull deċiżjoni li se tittieħed.
Bosta kienu dawk li kkritikaw l-għażla tal-UEFA hekk kif intqal li wara l-kontroversja tad-deċiżjoni tal-penalty favur l-Ingilterra kontra l-Olanda, fis-semi-finali, kellu jintgħażel referee b’aktar esperjenza.