Tuesday, November 26, 2024

Ir-referee Tonio Briguglio rikonoxxut għas-servizz li ta fl-isports

Aqra wkoll

Antonio P. Briguglio twieled il-Ħamrun fl-1934. Huwa beda l-karriera tiegħu bħala referee fl-1961 u għal 16-il sena kien fuq il-bord tar-referees tal-FIFA/UEFA, referee osservatur tal UEFA u anke kiseb il-liċenzja Ċ tal-UEFA bħala kowċ tal-futbol.

Huwa kien l-uniku Malti li nħatar mill-FIFA sabiex jikkontrolla l-partita Arabja Sawdija kontra l-Iran fl-Asja, u nħatar mill-UEFA bħala linesman għall-Finali U21 bejn l-Ingilterra u l-Ġermanja li ntlagħbet ġewwa Nou Camp Stadium, Barcelona quddiem 120,000 spettatur.

Briguglio attenda diversi korsijiet dwar it-tagħlim avvanzat għal referee u t-tmexxija li kienu organizzati mill-UEFA, l-FA, il-FIGC u l-Kumitat Olimpiku tal-Ġermanja.

Huwa okkupa diversi karigi amministrattivi, fosthom dik ta’ President tal-Malta Football Referees Association, u bejn l-1985 u l-1987, bħala membru tal-Bord tar-Referees tal-MFA

Fl-1960 kien membru tat-tim li ħa sehem fil-kampjonati tal-motor scooter f’Ruma fejn klassifika t-tielet post b’midalja tal-bronż.

Kien ukoll membru attiv tal-Malta Basketball Association. Bejn l-1974 u l-1996 serva bħala referee tal-Basketball fejn inħatar biex imexxi diversi logħbiet internazzjonali, fosthom Pan Arabian Championships fit-Tuneżija.

Fil-bidu tas-snin tmenin waqqaf il-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi li tagħha kien ukoll l-ewwel President. Hawnhekk fassal l-Istatut u r-regoli tal-kompetizzjoni.

Huwa okkupa wkoll diversi karigi fil-Malta Amateur Athletics Association u fil-Malta Table Tennis Association

Briguglio kien ukoll referee u rapporteur fil-logħob Giochi senza Frontiere u kordinatur u organizzatur ta’ SkolaSport.

Huwa serva wkoll bħala President tas-sezzjoni Żgħażagħ Kerygma u Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona tal-Volleyball organizzata b’risq id-Dar tal-Providenza.

Sport