Ir-referee Brażiljan, Wilton Sampaio, ingħata ċ-ċans li jikkontrolla l-finali tat-Tazza tad-Dinja minkejja li ġie kkritikat bl-aħrax mill-media internazzjonali għall-wirja fqira tiegħu tal-kwarti-finali bejn l-Ingilterra u Franza b’dawn tal-aħħar joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Ħafna esperti jemmnu li huwa kellu jsaffar għal foul favur l-Ingilterra, meta Theo Hernandez waqqa’ li Bukayo Sako, hekk kif mill-istess azzjoni, Aurelien Tchouameni fetaħ l-iskor għal Franza.
Imbagħad naqas milli jsaffar għal penalty meta Harry Kane twaqqa’ minn Dayot Upamecano u mbagħad kellu jkun il-VAR li ntervjena biex l-Ingliżi ngħataw penalty wara li Hernandez litteralment niżżel lil Masaon Mount mal-art wara li Olivier Giroud reġa’ poġġa lil Franza fil-vantaġġ.
Madankollu, quddiem dik il-kritika, Sampaio inżamm f’dan it-tournament mill- FIFA. Diversi uffiċjali ntbagħtu lura lejn darhom iżda, inkluż ir-referee Ingliż ta’ statura kbira, Michael Oliver.
Id-deċiżjoni tfisser li Sampaio għandu ċ-ċans li jirreffja l-finali tat-18 ta’ dan ix-xahar. Jidher li se tkun taqtiegħa bejnu u bejn l-Ingliż, Anthony Taylor, min se jingħata l-unur li jikkontrolla l-akbar logħba għal dawn l-aħħar erba’ snin.