Sunday, December 28, 2025

‘Ir-refereeing lili għamilni r-raġel tal-familja li jien illum … huwa parti kbira minn ħajti’ – Fyodor Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Sa minn etá żgħira dejjem kont nilgħab il-futbol mat-tim tar-raħal twelidi Birzebbugia Windmills. Bqajt nilgħab sakemm kelli 13-il sena, dejjem xtaqt li nkompli nkun sportiv u parteċipu fil-logħba tal-ballun.

Kif għażilt proprju li tkun referee?

Il-logħba tal-futbol kienet wisq għal qalbi. Il-kuġin tiegħi Ingmar Spiteri kien assistant referee u  r-referee Christopher Lautier li huwa wkoll minn Birzebbugia kienu jirrefjaw fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, u dejjem kienu jħajruni biex nidħol referee. Dawn it-tnejn fost oħrajn kienu ta’ ispirazzjoni għalija biex nibda din il-karriera. Qatt ma ħarist lura minn hemm ‘il quddiem. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li int l-aktar referee attiv li ilek tirreffja f Malta, fejn ilhaqt it tragward tal 25 sena fix xena?

Bla dubju ta’ xejn huwa unur kbir għalija li fl-etá ta’ 40 sena sirt l-aktar referee attiv li ilni nirrefja. Inħares lura u ma nemminx li għaddew 25 sena minn meta bdejt din il-karriera li tant tatni sodisfazzjon. Ħafna sagrifiċċju u ħin ‘il bogħod minn mal-familja biex stajt nibqa’ għaddej nagħmel dak li nħobb u nirrapreżenta lil pajjizi b’ sodisfazzjon.

Dan it-tragward qatt ma stajt nilħqu waħdi … kienu ħafna nies li kienu ta’ sapport għalija matul il-karriera. Fost dawn żgur irrid insemmi lill-familja tiegħi li kienu dejjem miegħi tul din it-triq speċjalment il-mara u t-tfal. Ir-Refereeing jeħodlok ħafna ħin f’ taħriġ kif ukoll laqgħat biex dejjem inżommu l-livell ta’ refereeing f’pajjiżna wieħed għoli.

Tħossok rispettat bħala referee fl-ambitu tal-futbol lokali?

Iva r-rispett fost il-pubbliku li jsegwi l-futbol u dawk li huma viċin il-klabbs lokali hemm qiegħed. Ovvjament tul id-90 minuta logħob ikun hemm ħafna emozzjonijiet fosthom ta’ frustrazzjoni u ġieli anke ta’ rabja … biss nemmen kif hafna drabi jkun li x’ħin tispiċċa l-logħba kollox jerġa’ jiġi għan-normal.

Huwa importanti li kulħadd jifhem li referee huwa bniedem uman bħal kull plejer u kowċ ieħor … għandna l-passatempi tagħna, għandna l-familji tagħna u kull tmiem il-ġimgħa inġorru fuqna l-pressjoni tal-loghob li nkunu se’ nikkontrollaw u nkunu ilna ġimgħa naħdmu għaliha. Kullħadd jiżbalja, biss ir-rispett irid jibqa’ hemm dejjem, kif ħafna drabi jiġri.

X’sodisfazzjon partikolari jagħtik ir-refereeing?

Is-sodisfazzjon huwa wieħed kbir, u diffiċli hafna biex tiddeskrivieh għax kif ħafna jsaqsuk “imma kif jirnexielek toqgħod għal dak it-tgħajjir u l-pressjoni tal-logħba?”. Ir-refereeing lili għamilni r-raġel tal-familja li jien illum … ir-refereeing huwa parti kbira minn ħajti.

Li jkollok il-kapaċitá li toħroġ fil-grawnd u tikkontrolla partita mill-bidu sal-aħħar mat-tim tiegħek jagħtik sodisfazzjon. Bla dubju l-akbar sodisfazzjon huwa li wara l-partita ż-żewġ timijiet jiġu jgħidulek grazzi u prosit (kif tista’ tifhem dan mhux dejjem jiġri għax ikun hemm tim li jkun kuntent u tim li jkun inqas kuntent bir-riżultat).

Hemm xi partita partikolari li rreffjajt li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna? Għaliex?

  • Hemm ħafna partiti li żgur li nibqa’ niftakar, speċjalment dawk il-partiti li nsejħulhom aħna l-kbar f’pajjiżna fejn ikun hemm konkorrenza qawwija mill-pubbliku għalihom. Il-Finali tas-Super Cup fl-istaġun 2017/18 bejn Floriana u Hibernians, u l-Finali tal-FA Trophy fl-istaġun 2023/24 bejn Sliema Wanderers u Floriana żgur li jibqgħu uħud mill-isbah logħbiet tiegħi f’pajjiżna lik kontrollajt. Logħbiet oħra bħal Floriana kontra Valletta, Birkirkara kontra Hamrun Spartans u Hamrun Spartans kontra Valletta dejjem ikunu logħob li jibqgħu għal qalbek.

Meta wieħed jara logħob internazzjonali żgur ma tinsiex il-partita li ddebuttajt fix-xena internazzjonali biha, b’logħba ta’ taħt id-19-il sena bejn Spanja u Georgia. Logħob oħra internazzjonali fosthom Ungerija kontra Awstrija ta’ taħt il-21 sena fejn konna uffiċjali Maltin li ftaħna l-Istadium Puskas Arena ġewwa l-Ungerija stess wara li kien reġa’ nfetaħ. Albanija kontra Norveġja tibqa’ wkoll fil-memorji tiegħi fost ħafna logħob iehor.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek bħala referee?

Bħalissa ghadni referee attiv, u nħares ‘il quddiem biex inkompli nitħarreġ u nkompli nimxi ‘l qudidem. Il-veritá hi li xi ħin jew ieħor se jkolli nagħmel il-pass u nieqaf, sa issa m’għandix pjanijiet u ma tantx inħobb nagħmel pjanijiet. Li huwa żgur li meta nieqaf nagħti ħafna iktar ħin lill-familja tiegħi u nipprova npatti ftit ta’ kemm kont ‘il bogħod minnhom minħabba l-logħba tal-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jimbarka fuq karriera ta’ referee.

Taqtgħux qalbkom … kull bidu huwa difficli … biss li huwa żgur hu li meta tidħol fil-familja tar-referees tkun sibt familja oħra. Għalkemm jien bdejt ta’ etá żgħira ħafna xorta għadni motivat li nkompli għaddej. Il-ħajja u l-karriera ta’ referee mhumiex facli, bħal ma mhumiex ta’ nies oħra fi kwalunkwe sport … biss jagħtuk ħafna pjaċir u sodisfazzjon.

Jekk tħobb il-logħba tal-futbol, li ssir referee żgur li għandha tkun waħda mil-karrieri li għandek tħares lejhom bħala opportunitá!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport