Friday, December 20, 2024

Ir-Referendum ta’ Putin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bl-iskuża li l-kostituzzjoni Russa kellha bżonn urġenti ta’ xi tibdil “għall-ġid tal-poplu Russu kollu”, Vladimir Putin, il-mexxej Russu ta’ dawn l-aħħar 20 sena, talab lill-poplu sabiex jivvota f’referendum li sar fit-30 ta’ Ġunju li għadda. Biss, ir-raġuni vera wara dan ir-referendum kienet sabiex Putin jilleġittima l-pożizzjoni tiegħu u jżomm il-poter wara li fl-2024 jiskadilu t-terminu tal-presidenza tiegħu. Dan għaliex skont il-kostituzzjoni preżenti, huwa ma jistax jikkontesta għal darba oħra għall-kariga ta’ President tal-Federazzjoni Russa.

Il-karriera ta’ Putin

Vladimir Putin kien ġie appuntat bħala l-Aġent President tal-Federazzjoni Russa fl-1999 minn Boris Yeltsin li kien l-ewwel president Russu ta’ wara l-era Sovjetika. Minn dakinhar ‘l hawn, Putin rebaħ elezzjoni wara oħra. Dawn l-elezzjonijiet minn dejjem kienu kkaratterizzati minn ħafna kritika mill-komunità internazzjonali minħabba li ħafna politiċi li setgħu jkunu ta’ theddida għal Putin kienu ħafna drabi jiġu ppersegwitati u kien hemm każi fejn uħud minnhom intefgħu l-ħabs jew ma tħallewx jikkontestaw. Barra minn hekk, il-midja Russa hija fil-maġġoranza kbira tagħha leali lejn Putin u għalhekk ħafna drabi din toħnoq leħen l-oppożizzjoni. 

Pero’ fl-ewwel snin ta’ tmexxija, Putin tassew kellu l-appoġġ tal-maġġoranza kbira tal-poplu. Din il-fiduċja li kien igawdi bdiet titnaqqas minn meta fl-2011, huwa ħabbar li kien sejjer iservi bhala l-Prim Ministru fil-kabinett tal-President il-ġdid, Dimitri Medvedev li ħafna jqisuh bħala l-pupazz ta’ Putin. Dak iż-żmien, Putin ma kienx seta’ jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali għaliex kien diġa’ kkontesta l-massimu ta’ elezzjonijiet li kienet tippermetti l-kostituzzjoni. Il-poplu Russu kien qam kontra Putin u ġew organizzati ħafna protesti kbar madwar il-pajjiż. Biss, Putin irnexxielu jerġa’ jikkalma lill-poplu billi rikeb fuq il-patrijottiżmu tar-Russi u għaqqad il-Krimea mal-Federazzjoni Russa wara li l-armata Russa invadiet lil dan ir-regjun li sa dakinhar kien jagħmel parti mill-Ukrajna.

Biss, fl-2018, Putin reġa’ beda jitlef l-appoġġ tal-poplu l-aktar meta kien illaxka l-kontrolli tiegħu fuq il-politika domestika sabiex jikkoncentra fuq il-kunflitt fis-Sirja. Minkejja dan, Putin irnexxielu jirbaħ l-elezzjoni ta’ dik is-sena b’maġġoranza spettakolari ta’ kważi 77%. Pero’, ċertu miżuri li ried idaħħal Putin, bħal pereżempju dik li jżid l-età tal pensjoni, wasslu għal telfiet kbar fl-elezzjonijiet lokali. Saru wkoll diversi protesti kbar mill-oppożizzjoni ġewwa Moska. Dan kollu wassal sabiex l-istess Putin jammetti li kien qiegħed jitlef l-appoġġ u kien hawnhekk li beda jipproponi l-bidliet kostituzzjonali li fuqhom kien ibbażat dan ir-referendum.

Il-kampanja Referendarja

L-aħħar ġimgħa tal-kampanja referendarja kienet ikkaratterizzata minn diversi manuvri li ħafna minnhom ħallew lill-medja internazzjonali mistagħġba bl-isfaċċataġni tagħhom. Dawn kienu jinkludu baraxx ta’ messaġġi fuq il-mobiles sabiex iħeġġu lir-Russi sabiex jieħdu sehem f’din il-votazzjoni u b’hekk ikunu eleġibbli sabiex jirbħu żewġ miljun voucher li flimkien kien jammontaw għal 10 biljun rublu, l-ekwivalenti ta’ madwar 125 miljun ewro. F’ċertu reġjuni bħas-Siberja, sabiex joħorġu jivvutaw, iċ-ċittadini ngħataw iċ-ċans li jerbħu diversi rigali li jvarjaw minn smartphones sa numru ta’ appartamenti. Kien hemm ukoll diversi rapporti mill-oppożizzjoni li ċertu sidien ta’ postijiet tax-xogħol litteralment ordnaw lill-impjegati tagħhom sabiex joħorġu jivvutaw.

Fuqiex saret il-votazzjoni

Dan ir-referendum kien jittratta 206 proposti ta’ tibdil fil-kostituzzjoni. Skont ġħrnal influwenti internazzjonali, dan in-numru kbir ta’ proposti kien intiż sabiex jaħbi l-bidla li fl-aħħar mill-aħħar kienet tinteressa lil Putin, jigifieri dik li jkun jista’ jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ president. Din il-bidla, li ħafna ġustament jqisuha bħala anti-demokratika għall-aħħar, kienet moħbija qalb ħafna proposti li kienu jitfgħu ħafna bżar f’għajnejn il-votanti. Dawn kienu jinkludu proposti li jtejbu l-pensjonijiet, proposti sabiex jipproteġu l-lingwa Russa kif ukoll tibdil li permezz tiegħu jġib fix-xejn ħafna mid-drittijiet ta’ minoranzi, bħal dawk tal-komunità LGBTIQ Russa. 

Ir-riżultat

Ftit kien hemm dubju rigward kif kien sejjer ikun ir-riżultat ta’ din il-votazzjoni. L-għada tal-votazzjoni, Putin ħabbar rebħa kbira għalih. Fil-fatt, skont il-midja Russa, xejn anqas minn 78% tal-votanti kienu vvutaw sabiex jiddaħħlu madwar mitejn klawsola ġdida fil-kostituzzjoni hekk kif ġie propost minn Vladimir Putin.

Qabel ma ħareġ ir-riżultat, il-midja nternazzjonali diġa’ kienet qiegħda tallega numru kbir ta’ nuqqasijiet matul il-proċess kollu li wassal għal dan ir-referendum. 

Skond il-midja ta’ diversi pajjiżi tal- punent kif ukoll dik leali lejn l-oppożizzjoni Russa, dan ir-referendum ma kellu l-ebda bażi legali. Dan minħabba li ma mexxiex fuq il-prassi li tintuża’ minn prattikant il-pajjiżi kollha, jigifieri li referendum ta’ din ix-xorta jkollu moniteraġġ indipendenti, ħafna drabi minn nies barranin. Barra minn hekk, dan ir-referendum ġie rredikolat minn ħafna sezzjonijiet tal-midja internazzjonali minħabba li ħafna mill-bidliet li fuqhom il-poplu Russu ntalab jivvota kienu diġa’ ġew mgħoddija bħala liġijiet mill-parlament Russu, kif ukoll ġew approvati mill-Qorti Kostituzzjonali Russa.

Rigward il-proċess li bih saret il-votazzjoni, din kellha diversi modi ta’ kif jistgħu jsiru abbużi. F’ħafna bliet u rħula, il-votazzjoni saret ġewwa karavans mingħajr l-ebda forma ta’ kontroll. Minbarra hekk, kien hemm ħafna mistoqsijiet rigward l-imparzjalità tal-Kummissjoni Elettorali. B’kumbinazzjoni, waħda mil-lotteriji li semmejna ta’ appartamenti jingħat li ntrebħet minn wieħed mill-kapijiet ta’ din il-Kummissjoni. 

Fuq kollox, l-akbar kritika li saret mill-komunità internazzjonali kienet rigward il-fatt li l-poplu kellu jivvota iva jew le fuq il-pakkett kollu tal-206 proposti li semmejna u mhux fuq kull proposta b’mod individwali. Dan il-mod ta’ votazzjoni jmur kontra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, li kienet ġiet imfassla fl-1993, li kienet tiddetta li kull tibdil kostituzzjonali għandu jigi attwat wara li ssir votazzjoni individwali għalih. Putin irnexxielu jdur ma’ din il-klawsola tal-Kostituzzjoni oriġinali billi għadda liġi fil-parlament sabiex issir votazzjoni għall-proposti kollha f’daqqa.

Putin wara r-riżultat

Permezz ta’ din ir-‘rebħa’, minbarra li kiseb id-dritt li jerġa’ jikkontesta għal diversi elezzjonijiet presidenzjali oħra, Putin kiseb ħafna aktar poter. Pereżempju, issa l-President Russu għandu s-saħħa li jkeċċi mħallfin li jservu kemm fil-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll f’dik Suprema.

Minkejja li jidher li għal darba oħra għaddiet ta’ Putin, il-Kremlin huwa konxju li kull ma jmur il-poplu qiegħed jiddejjaq bit-tmexxija tiegħu. L-istorja Russa turi li minkejja xi riżultat tajjeb f’xi referendum, il-poplu Russu jaf idur kontrik f’daqqa waħda u jniżżlek mill-poter. Hekk kien gara’ ftit xhur qabel ma spiċċat l-Unjoni Sovjetika. Dakinhar kien sar referendum li fih madwar 78% tal-votanti kienu qalu li jridu li l-Unjoni Sovjetika tkompli. Pero’, ftit xhur wara, l-poplu qam kontra r-reġim Kommunista u ġab fi tmiemha l-era Sovjetika.

Ekonomija

Sport