Tuesday, December 24, 2024

Ir-Reġina Eliżabetta mhix biħsiebha tirtira

Aqra wkoll

It-theddida tal-Covid-19 ma twaqqafx milli r-Reġina tar-Renju Unit fl-età ta’ 94 sena tkompli bil-ħidma tagħha

Minn CARMEN CACHIA

Ir-Reġina Eliżabetta II qabżet id-90 sena u l-età tagħha tpoġġiha fost il-vulnerabbli għall-virus tal-Covid-19. Minkejja dan, għidut li ħarġu l-ġimgħa l-oħra minn espert tal-familja rjali li r-Reġina qiegħda tippjana li tirtira, ġew miċħuda kompletament tant li fi tmiem il-ġimgħa hija dehret fil-pubbliku għaċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq snienha.

Ir-Reġina, li llum il-ġurnata għandha l-età sabiħa ta’ 94 sena, hija l-aktar persuna li damet fuq it-tron fl-istorja tal-Gran Brittanja fejn iddedikat ħajjitha kollha għat-tmexxija ta’ din il-familja prestiġġjuża. Ir-Reġina Eliżabetta ilha kap tal-familja rjali Ingliża għal dawn l-aħħar 68 sena u sal-ġurnata tal-lum għadha taqdi d-dmirijet tagħha mill-Kastell ta’ Windsor u dan minkejja li tinsab f’iżolament bħala prevenzjoni għall-pandemija tal-Coronavirus.

Ir-Reġina u r-raġel tagħha Prinċep Philip, li għandu 98 sena, għaddew sew l-età tal-irtirar. Id-Duka waqqaf id-doveri pubbliċi tiegħu fl-2017 mentri martu ma tat ebda ħjiel li beħsieba tirtira bħalu.

F’għeluq il-21 sena tagħha, lura fil-21 ta’ April tal-1947, il-Prinċipessa Eliżabetta għamlet wegħda solenni li tiddedika ħajjitha għall-imperu Ingliż fejn fid-diskors storiku tagħha, qalet li tibqa’ għaddejja bix-xogħol tagħha bħala Reġina sakemm tmut.

Fid-diskors famuż din ir-Reġina qalet, “niddikjara quddiem kulħadd li ħajti, kemm jekk tkun waħda qasira, kif ukoll jekk tkun waħda twila, se tkun iddedikata għas-servizz tagħkom u għas-servizz tal-familja imperjali tagħna li aħna membri kollha tagħha”.

Vuċi ta’ kuraġġ fil-perjodu iebes tal-Covid-19

F’dan il-perjodu ta’ instabbiltà mondjali minħabba t-theddida tal-Covid-19, ir-Reġina Eliżabetta kellha tħassar l-impenji pubbliċi tagħha kollha iżda minkejja li tinsab magħluqa bejn l-erba’ ħitan tal-Kastell ta’ Windsor, hija xorta waħda tat kontribut siewi ħafna biex il-moral tal-pubbliku Ingliż jibqa’ għoli.

Ftit tal-ġranet ħafna baqgħu xxokjati wara li espert tal-familja rjali Ingliża qal li r-Reġina Eliżabetta qiegħda tippjana li tirtira minħabba l-Coronavirus u li t-tmexxija se tingħata f’idejn binha, il-Prinċep Karlu. F’aħbar li segwit din l-allegazzjoni, espert ieħor qal li l-età mhix se tkun ta’ xkiel għar-rwol li għandha r-Reġina għax saħaq li din għandha esperjenza u maturità kbira li jegħlbu kull tip ta’ ostaklu, inkluż dak tal-Covid-19.

Nassigurakom li jekk nibqgħu magħquda u determinati, negħlbu l-Covid-19… il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna għad jiftakruna bħala poplu b’saħħtu

– ir-Reġina Eliżabetta II

L-espert, Richard Fitzwilliam, f’intervista li kellu ma’ ġurnal lokali, qal li, “minn żmien għal żmien kien hemm għajdut li r-Reġina lesta ċċedi t-tron lil binha, il-Prinċep Karlu. Dan l-aħħar ir-Reġina għalqet 94 sena u tinsab iżolata f’Windsor mar-raġel Philip li se jagħlaq 99 sena f’Ġunju”.

Fitzwilliam qal li minħabba s-sitwazzjoni li ninsabu fiha ħafna nies bdew jispekulaw li r-Reġina mhux se naraw iżjed fil-pubbliku u dan minħabba t-theddida serja ta’ trasmissjoni tal-virus għall-persuni anzjani. Minkejja dan il-kliem u r-Reġina verament mhix tkun fil-pubbliku, Fitzwilliam sostna li r-Reġina Eliżabetta baqgħet turi d-dedikazzjoni tagħha għar-rwol li għandha u dan għamlitu permezz ta’ xandiriet b’messaġġi mill-aqwa lill-poplu tagħha.

Huwa qal li, “dak li r-Reġina qaltilna permezz ta’ dawn ix-xandiriet fil-perjodu tal-lockdown, kienu verament messaġġi impressjonanti u ta’ kuraġġ”.

Il-messaġġi mir-Reġina fil-perjodu fejn ir-Renju Unit kien fl-agħar tal-ewwel mewġa tal-Covid-19, kienu deskritti bħala emozzjonanti u maħduma biex iwaslu imħabba u attenzjoni lejn il-poplu tagħha. 

Ir-Renju Unit huwa wieħed mill-pajjiżi Ewropej li qala’ daqqa ta’ ħarta qawwija mill-pandemija tal-Covid-19. Dan il-pajjiż għandu madwar 300,000 każijiet ta’ infezzjonijiet mentri aktar minn 40,000 persuna tilfu ħajjithom fil-battalja kontra l-virus li oriġina miċ-Ċina. 

L-ewwel xandira mill-Kastell ta’ Windsor kienet segwita minn 24 miljun persuna, mentri t-tieni wieħed minn 12-il miljun. Huwa kkalkolat li kważi kulħadd ra parti ta’ minn mill-inqas wieħed mill-messaġġi tar-Reġina Eliżabetta u għalhekk il-messaġġ tagħha huwa stmat li wasal għand in-nazzjon Ingliż kollu.

“Ebda kap ta’ stat ieħor fid-dinja m’għandu l-esperjenza li għandha hi”

Fitzwilliams saħaq li l-esperjenza vasta tar-Reġina u d-dedikazzjoni tagħha lejn il-poplu tagħha tiddistingwiha minn kull kap ta’ stat ieħor fid-dinja. “Ebda kap ta’ stat ieħor fid-dinja m’għandu l-esperjenza li għandha hija,” kompla l-espert tal-familja rjali Ingliża.

“Kemm jekk permezz tat-telefona fil-Jum Internazzjonali tal-Infermiera, jew b’messaġġ irrekordjat għal Nhar il-Għid, jew bi stqarrija għall-attività virtwali taċ-Chelsea Flower, kif ukoll bl-udjenza ta’ kull ġimgħa bit-telefon mal-Prim Ministru, ir-Reġina kompliet soda fil-ħidma tagħha,” spjega Fitzwilliams. 

Huwa rrapportat li r-Reġina se toqgħod attenta li tagħmel id-doveri tagħha skont il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa Ingliżi. Fitzwilliams żied jgħid li, f’din il-kriżi li qatt ma rajna bħalha qabel, il-kap tal-familja rjali dejjem segwiet ir-rakkomandazzjonijiet mill-esperti tas-saħħa.

Fitzwilliams jemmen li l-maġġorparti tal-poplu Ingliż irid li din ir-Reġina tkompli bir-rwol tagħha sakemm din tkun tiflaħ tkomplihom. Huwa qal li fid-diskors tagħha tal-1947 ir-Reġina Eliżabetta II ħadet it-tmexxija tal-familja rjali għal għomorha. 

“In-nazzjon żgur jixtieqha li sakemm tkun tista’ tkompli tmexxi t-tron Ingliż, hekk kif wegħdet fid-diskors famuż tagħha fl-1947. Ir-Reġina Eliżabetta hija xhieda ta’ kemm l-età ma xxekkilx l-impenji. Meta persuna tkun ta’ esperjenza u dedikazzjoni, żewġ karatteristiċi li żgur ir-reġina tagħna għandha, l-età ma twaqqafx lil dak li jkun,” kompla Fitzwilliams.

Ekonomija

Sport