Friday, December 27, 2024

Ir-Reġjun tal-Lvant se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2024

Aqra wkoll

Ir-Reġjun tal-Lvant se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2024. Dan il-Kunsill Reġjonali ġie allokat kwart ta’ miljun ewro, biex flimkien mal-kunsilli lokali fi ħdanu jtellgħu diversi attivitajiet kulturali matul is-sena li ġejja. Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan huwa investiment mhux biss f’iktar attivitajiet kulturali fid-diversi toroq u rħula, iżda investiment ukoll fl-artisti u l-kreattivi nfushom li tant għandhom talent.

“Ir-Reġjun tal-Lvant se jkun it-tieni Reġjun li ġie fdat b’kalendarju kulturali wara li din is-sena r-Reġjun tan-Nofsinhar ħa ħsieb itella’ kalendarju kulturali. B’kollox s’issa ttellgħu 14-il-attività kulturali u hu maħsub li se jittellgħu 9 attivitajiet kulturali oħra fir-Reġjun tan-Nofsinhar. Permezz ta’ din l-inizjattiva se nħallu legat importanti għal aktar tisħiħ tat-tessut kulturali,” tenna l-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli tkellmet dwar is-suċċess li ħalliet din l-iskema fil-lokalitajiet fi ħdan ir-Reġjun tan-Nofsinhar u spjegat li l-attivitajiet u inizjattivi kulturali li ġew organizzati għenu fl-apprezzament lejn il-kultura Maltija u l-preservazzjoni tagħha għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

“L-iskema tar-Reġjuni Kulturali qed tkompli ssaħħaħ il-promozzjoni tal-wirt kulturali fid-diversi lokalitajiet tal-pajjiż. Għaldaqstant, inħarsu ’l quddiem għall-kalendarju kulturali li se jtella’ r-Reġjun tal-Lvant matul is-sena li ġejja,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.

Is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech spjegat kif permezz tal-Iskema tar-Reġjuni Kulturali qed jiġu implimentati partijiet sostanzjali tal-istrateġiji kulturali tas-sitt Reġjuni, li ġew imnedija Diċembru li għadda. Hija rringrazzjat lil dawk kollha involuti u li qed jikkollaboraw bi sħiħ f’dan il-proġett.

Il-President tal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant Anthony Chircop tenna li t-titlu tar-Reġjun Kulturali se jservi bħala pjattaforma li juri l-identità unika tar-Reġjun tal-Lvant. “Impenjati sabiex nimplimentaw inizjattivi dejjiema, bl-involviment attiv tal-komunità. Fil-programm kulturali ser nonoraw l-għeruq u t-tradizzjonijiet storiċi tagħna, filwaqt li niċċelebraw il-wirt divers li jifforma l-pedament tagħna. Se niċċelebraw ukoll id-diversità u se nenfasizzaw fuq l-għaqda bejn il-ġenerazzjonijiet u l-kulturi,” spjega s-Sur Chircop.

Il-lokalitajiet li jaqgħu fi ħdan ir-Reġjun tal-Lvant u li ser ikunu parti mir-Reġjun Kulturali jinkludu Birkirkara, Pembroke, Swieqi, l-Pietà, Għargħur, Ħal Lija, l-Imsida, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, tas-Sliema, l-Iklin u l-Gżira.

Ekonomija

Sport