Minn Jannar 2026, bħala parti mill-Green Deal tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, is-sistema tal-kummerċ tal-emissjonijiet (ETS) ser tibda tapplika ħlas sħiħ ta’ 100% fuq l-emissjonijiet
“Għas-settur tal-loġistika f’Malta, dan jirrappreżenta sfida oħra fuq ir-realtà tal-ġeografija ta’ gżiritna u s-saffi kumplessi tar-regolamenti tal-UE,” spjega Joseph Bugeja, iċ-Chairman ta’ ATTO, l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-operaturi ta’ trailers. “Jekk ma jiddaħħlux mekkaniżmi proporzjonati, l-ETS se jkollha impatt drastiku fuq il-kompetittività tagħna.”
Flimkien mal-Island Nations Advocacy Group (INAG), ATTO ilha tagħmel pressjoni għal riformi li jirrikonoxxu r-realtajiet tal-loġistika ta’ pajjiżi gżejjer bħal Malta.
“Għall-operaturi tal-gżejjer, l-implikazzjonijiet prattiċi huma differenti ħafna. L-ispejjeż huma ogħla, il-konformità hija aktar kumplessa, u l-marġini huma aktar stretti,” spjega s-Sur Bugeja.
Hu fakkar li d-Direttiva dwar it-Trasport Kombinat, miktuba snin ilu, għadha ma tkoprix b’mod awtomatiku l-operazzjonijiet bejn il-baħar u t-triq li jgħaqqdu l-gżejjer mal-art kontinentali.
“Dan ipoġġi lill-operaturi Maltin f’iżvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk kontinentali.”
L-operaturi internazzjonali tat-trailers f’Malta iċaqalqu madwar 3.2 miljun metru kubu ta’ merkanzija kull sena, li jinkludi trailers mimlijin li jidħlu u madwar 40% mimlijin li joħorġu. Iżda, kif osserva s-sur Bugeja, “ir-regolamenti tal-UE spiss jinkitbu għall-pajjiżi fuq il-kontinent u qajla jikkunsidraw ir-realtajiet ta’ pajjiżi gżejjer.”
Madwar 60% tat-trailers li jidħlu, jirritornaw lejn Genoa vojta minħabba l-iżbilanċ fil-kummerċ f’Malta, u dan jinvolvi spejjeż li jridu jassorbuhom l-operaturi. Barra minn hekk, l-operaturi Maltin “jitilfu” d-dritt ta’ cabotage billi sempliċement jaqsmu l-baħar, li jillimita lilhom għal żewġ operazzjonijiet ta’ tagħbija jew tniżżil fi Stat Membru ieħor fi żmien ġimgħa.
Dan inaqqas l-opportunitajiet biex jikkumpensaw l-ispejjeż permezz tat-trasport fuq l-art u jnaqqas il-kompetittività ta’ operaturi Maltin, Irlandiżi u Ċiprijotti.
Fil-qalba tal-attività loġistika f’Malta hemm il-Valletta Gateway Terminals (VGT), it-terminal tal-merkanzija. Permezz ta’ dan l-operat, prodotti tal-konsum, materja prima, prodotti farmaċewtiċi u esportazzjonijiet jitwasslu f’trailers mibgħuta prinċipalment fuq Grimaldi Lines u Grandi Navi Veloci (GNV).
Dawn il-linji joffru seba’ vjaġġi fil-ġimgħa bejn Malta u portijiet fosthom Salerno, Livorno, u Genoa, li jservu bħala aċċess għall-Ewropa kollha. Ħafna mit-trailers jintbagħtu mhux akkumpanjati, bit-trakkijiet ibbażati fl-Italja biex itemmu l-vjaġġ bit-triq.
Minħabba li Malta hija gżira, l-operat irid isir b’sorsi differenti ta’ vjaġġar. Ħafna jagħżlu rotti marittimi itwal biex inaqqsu s-sewqan fuq it-triq, prattika li s-sur Bugeja qal “turi l-adattabbiltà u l-impenn tal-operaturi tagħna għal loġistika aktar sostenibbli.”
ATTO, li tirrappreżenta aktar minn 80% tal-operaturi ta’ trailers f’Malta, qed tħeġġeġ lill-politiċi sabiex jiżguraw li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Kombinat tqis il-bżonnijiet ta’ pajjiżi żgħar u gżejjer remoti.
“L-għarfien tal-intermodalità bejn il-baħar u t-triq bħala Trasport Kombinat mhuwiex biss kwistjoni ta’ konformità,” qal Bugeja. “Huwa dwar ġustizzja sabiex ikun żgurat li Malta tista’ tibqa’ tikkompeti fuq termini ekwi.”
Il-kollaborazzjoni ta’ ATTO ma’ INAG, li tgħaqqad operaturi minn l-Irlanda, Malta u Ċipru, qed tagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-gżejjer fi Brussell.
“Nistgħu nenfasizzaw realtà li ħafna drabi tintesa, bħal restrizzjonijiet fuq il-cabotage, projbizzjonijiet ta’ sewqan fi tmiem il-ġimgħa, u piżijiet amministrattivi meta merkanzija tgħaddi minn pajjiżi terzi. Dawn mhumiex kwistjonijiet teoritiċi iżda kwistjonijiet li jaffettwaw l-operat ta’ kuljum, l-ispejjeż u l-kompetittività.”
Is-Sur Bugeja saħaq li t-Trasport Kombinat mhuwiex biss inizjattiva ambjentali iżda ħtieġa għall-gżejjer.
“Il-konnettività tagħna tiddependi fuq tranżizzjonijiet bla xkiel bejn it-triq, il-laneċ u xi drabi l-ferroviji. It-trailers mhux akkumpanjati huma essenzjali biex inżommu katini tal-provvista effiċjenti. Il-proġett il-ġdid tal-Irlanda bejn Cherbourg u Mouguerre juri l-benefiċċji tas-soluzzjonijiet multimodali. Malta għandha bżonn rikonoxximent simili għal konnessjonijiet tagħha mal-kontinent Ewropew.”
Lil hinn mil-leġiżlazzjoni, ATTO qed taħdem mill-qrib ma’ Transport Malta u l-Kamra tal-Kummerċ biex tiżgura li l-prijoritajiet tas-settur jinstemgħu.
“Qed naħdmu fuq diversi fronti. Irridu regoli ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-gżejjer. Fl-istess ħin, inħeġġu lill-membri jaddottaw prattiċi sostenibbli, għax il-futur tal-loġistika jiddependi fuq bilanċ bejn l-effiċjenza u r-responsabbiltà ambjentali.”
Is-Sur Bugeja saħaq li s-sostenibbiltà saret inseparabbli mill-kompetittività. L-iskema ETS turi dan. Fejn fl-2024 kienu jitħallsu tariffi fuq 40% tal-emissjonijiet u fl-2025 fuq 70%, fl-2026 se jkollhom jitħallsu tariffi fuq 100% tal-emissjonijiet.
Għall-operaturi Maltin, dan ifisser spiża ogħla tat-trasport u marġini aktar stretti, speċjalment fuq rotot qosra fejn l-iskala ekonomika hija limitata.
“L-operaturi qed jintalbu jassorbu spejjeż li ma jistgħux jikkontrollaw,” qal is-Sur Bugeja. “Jekk ma jiddaħħlux mekkaniżmi proporzjonati għall-gżejjer, l-ETS se tnaqqas b’mod serju l-kompetittività tagħna.”
L-isforzi konġunti ta’ ATTO u INAG laħqu l-ogħla livelli tal-UE.
INAG għadha kemm kitbet lill-Kummissjoni Ewropea, inkluż lill-President Ursula von der Leyen, biex titlob rikonoxximent awtomatiku tal-operat marittimu li jgħaqqad gżejjer mal-kontinent bħala Trasport Kombinat.
“Dan huwa dwar ġustizzja u inklużjoni. Rikonoxximent ibbażat fuq il-ħtieġa ġeografika, mhux fuq limiti arbitrarji, jiżgura li l-operaturi tal-gżejjer ikunu jistgħu jikkompetu fuq livell ugwali.”
Minkejja l-ostakli, is-Sur Bugeja qal li l-operaturi Maltin adattaw b’mod impressjonanti.
“Hemm kumpaniji lokali li qed juru x’jista’ jinkiseb meta dawn jinvestu fi flotot moderni u fl-innovazzjoni. Imma hemm bżonn li nibqgħu nitkellmu għaliex mingħajr riformi mfassla għall-gżejjer, ir-regolamenti jistgħu jrażżnu t-tkabbir u jnaqqsu r-rwol ta’ Malta bħala ċentru loġistiku fil-Mediterran.”
Hu tenna l-importanza strateġika tas-settur. Il-portijiet, l-ajruporti u n-netwerks tat-toroq ta’ Malta huma integrati tajjeb, u jippermettu moviment effiċjenti u puntwali ta’ kull xorta ta’ merkanzija.
“Il-loġistika tal-gżejjer hija kumplessa, imma bi ppjanar tajjeb tista’ tkun effiċjenti ħafna. Iżda għandna bżonn politika li tirrikonoxxi din il-kumplessità biex l-operaturi jkunu appoġġjati u jkunu jistgħu jibqgħu jipprovdu servizzi affidabbli u sostenibbli.”
B’ħarsa ’l quddiem, is-Sur Bugeja qal li ATTO se tkompli tippromwovi s-sostenibbiltà filwaqt li tkompli tagħmel pressjoni għal riformi.
“Il-membri tagħna huma impenjati li jibqgħu jipprovdu servizz eċċellenti u jnaqqsu l-impatt ambjentali. Iżda dan ma jistgħux jagħmluh waħedhom. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi membri jridu jirrikonoxxu li l-gżejjer jiffaċċjaw sfidi uniċi.”
“Biex inkunu nistgħu nikkompetu b’mod ġust u fl-istess ħin inwasslu għall-miri tat-trasport u tal-ambjent tal-Ewropa, il-konnettività trid tkun ġusta u r-realtajiet uniċi ta’ Malta bħala stat gżira jridu jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ.”