Delegazzjoni tal-Partit Laburista żaret il-Port Ħieles bħala parti minn sensiela ta’ żjarat li qed isiru b’rabta mal-Viżjoni Malta 2050. Matul iż-żjara, id-delegazzjoni mmexxija mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba, ingħata rendikont tal-ħidma u l-investimenti li qed isiru biex il-korporazzjoni tkompli ssaħħaħ il-kompetittività tal-Port Ħieles, li jiġġenera kummerċ sostanzjali fl-ekonomija Maltija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation David Magro spjega li proġett ewlieni li qed isir bħalissa b’investiment multi-miljunarju huwa tar-riklamazzjoni tal-art biex jiġi estiż Terminal 2. Il-proġett jinkludi reklamazzjoni ta’ madwar 30,000 metru kwadru ta’ art biex jiżdied l-ispazju u jippermetti li jidħlu vapuri ikbar, fl-istess waqt li se jiżdied l-ispazju għall-ħażna tal-containers. Dan l-investiment mistenni joħloq madwar 165 impjieg ġdid.
Magro qal li dan il-proġett huwa konformi mal-miri tal-Viżjoni Malta 2050, fost l-oħrajn il-pilastru li jitratta l-użu intelliġenti tal-art u l-baħar. Filwaqt li qed jiġu segwiti r-regoli tal-ERA biex tiġi riklamata l-art, il-materjal użat għal dan il-proġett ġej minn inert material, li huwa tip ta’ debris mill-industrija tal-kostruzzjoni. B’kollox se jkun jeħtieġ mal-miljun tunnellata ta’ dan it-tip ta’ materjal biex jitlesta l-proġett, li fl-aħħar mill-aħħar se jkun qed iżid l-ispazju għall-użu industrijali.
Dan il-proġett qed isir b’mod konġunt mal-kumpanija Malta Freeport Terminals, bil-Kap Eżekuttiv Alex Montebello spjega kif is-settur marittimu sar aktar kumpless minn żmien il-pandemija u għalhekk il-Port Ħieles jeħtieġ ikompli jsaħħaħ l-operat tiegħu. Fisser kif Malta hija konnessa ma’ madwar 110 portijiet madwar id-dinja bil-Freeport Terminal li huwa mal-aqwa 10 kumpaniji marittimi ewlenin, hekk kif 96% tal-vapuri li jgħaddu Malta jkun għal skop ta’ transshipment, filwaqt l-4% l-oħra jikkonsistu f’kummerċ ta’ prodotti għall-konsum lokali.
Id-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba faħħar ix-xogħol li qed isir fil-Port Ħieles li qed jiġġenera ġid sostanzjali fl-ekonomija Maltija. Qal li minkejja investimenti bla preċedent mill-Malta Freeport Corporation fl-aħħar snin, bħat-tħammil tal-port ta’ Marsaxlokk, shore-to-ship, parkeġġ bla ħlas għar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-proġett tar-riklamazzjoni tal-art, hemm tmexxija għaqlija li wasslet għal riżultati konkreti, tant li fi 13-il sena ġew iġġenerati mal-€125 miljun fil-fond konsolidat.
Innota kif qabel l-2013, b’kuntrast, f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista, il-Malta Freeport Corporation kienet iġġenerat €30 miljun fil-fond konsolidat u investiment fi proġett fallut ta’ Brindisi. Qal li dan juri differenza ċara fit-tmexxija tal-korporazzjoni li b’għaqal qed tmexxi dan l-ass strateġiku għal Malta, bi profitti li jippermettu jsir iktar investiment fil-Port Ħieles għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-kummerċ lejn pajjiżna.

