“Il-fenomenu tal-bullying huwa wieħed kumpless u ma tistax tifhmu minn lenti waħda biss. Naħseb li l-frammentazzjoni fil-familja hija waħda mill-aktar affarijiet preokkupanti li tista’ twassal għal tali imġiba negattiva fost oħrajn. Sfortunatament ir-relazzjonijiet qishom waqgħu diviżjoni inferjuri u għalhekk jeħtieġ li jingħata valur u jkun hawn taħriġ aħjar ta’ kif l-ewwel u qabel kulħadd il-ġenituri jitgħallmu jieħdu ħsieb lil xulxin u lil uliedu”.
Iddikjarat dan ma’ Talk.mt id-Direttur tal-Institute of Family Therapy Malta Karen Bishop meta mitluba biex tikkummenta dwar filmati xokkanti li dehru fil-midja fl-aħħar jiem fejn tfal u żgħażagħ minorenni dehru jiġġieldu b’mod vjolenti u perikoluż anke f’istituzzjoni edukattiva.
It-terapista tal-familja qalitilna li tajjeb li qabel xejn nifhmu xi tfisser meta nitkellmu dwar bullying u li dan jinftiehem b’sitwazzjonijiet meta persuna tuża l-poter tagħha b’mod negattiv fuq persuna oħra. Jeżistu diversi forom ta’ bullying fosthom l-esklużjoni, it-tgħajjir u saħansitra l-vjolenza fiżika. Bishop kompliet biex tgħid li fattur ieħor li jfixkel lil tfal, żgħażagħ u adulti hija n-nuqqas tal-bniedem li jirregola l-emozzjonijiet tiegħu.
“Jiena nista’ jekk inti ddejjaqtni jew inwarrab, nħallik kwiet u nissoċjalizza ma xi ħadd ieħor jew nista’ naqbad nagħtik. Hemm riċerka li turi li jekk hemm grupp ta’ żgħażagħ u xi ħadd minnhom qabad isawwat lil xi ħadd, it-tendenza turi li aktar hemm ċans li jkomplu miegħu milli jillargaw. Ħafna drabi l-bully jkun irid jieħu s-sitwazzjoni f’idejh iżda hemm ħafna fatturi differenti li jikkontribwixxu għall-fenomenu”, kompliet it-terapista.
Mistoqsija dwar minn fejn tista’ jibda dan in-nuqqas ta’ kontroll ta’ emozzjonijiet, it-terapista qalet li l-ewwel post fejn il-bniedem isawwar l-karattru tiegħu huwa l-familja. Ir-riċerka turi li tfal u adoloxxenti li trabbew f’ambjent san u fl-għożża, ikunu iktar kapaċi jipproċessaw l-emozzjonijiet tagħhom se jkunu hemm inqas ċans li jkunu bullies jew jiġu bbuljati.
Filwaqt li għamlitha ċara rigward il-fatt li ma jfissirx li kull każ huwa ġej minn trobbija ħażina, it-terapista ġabet eżempju b’ġenitur f’karozza li jekk dan se jitlifha u jaqbad jidgħi u jagħjat ma’ ta’ quddiemu, hemm tendenza li l-eżempju jkaxkar u l-ulied meta jsibu ruħhom pressati f’sitwazzjoni fuq livell ferm iżgħar jistgħu jimxu fuq il-passi tal-ġenituri tagħhom billi jirritaljaw bil-mod tagħhom bħalma hi l-vjolenza fiżika. Tkellmet ukoll dwar tfal li l-edukazzjoni tagħhom ġejja mill-midja soċjali minħabba diversi raġunijiet u li hawnhekk ovjament se jkollok ċertu faqar fil-kontroll tal-emozzjonijiet u allura biex jintgħoġbu minn sħabhom dawn it-tfal jispiċċaw jagħmlu azzjonijiet negattivi biex jiġbdu l-attenzjoni.
Problema oħra li semmiet it-terapista hija l-aljenazzjoni bħalma huwa ħafna ħin mill-ġenituri fuq il-mobile li qiegħda tiġi trasmessa wkoll fit-tfal li minn età żgħira jkollhom il-mobile huma wkoll.
Iżda fuq kollox Bishop qalitilna li hija problema għas-soċjetà b’mod inġenerali huwa l-fatt li qed nidraw ngħixu ħajja ta’ xejn mhu xejn fejn jekk allaħares qatt ikomplu jiċċirkolaw iktar filmati ta’ vjolenza ta’ dan it-tip isiru qishom normali u ħadd ma jibqa’ jagħti kas. Barra minn hekk sirna nitkellmu dwar l-importanza ta’ diversi pilastri tas-soċjetà bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent mingħajr ma ħafna minnha qegħdin jifhmu li dawn huma katina. Sostniet li eżempju evidenti ħafna huwa li minkejja li l-ekonomija hija importanti għal kulħadd, jeħtieġ li nifhmu li l-kwalità tal-ħajja mhijiex imkejla biss minn kemm persuna jkollha flus fil-but.
“Il-kuntentizza mhijiex kemm qiegħed ngħix komdu, u kemm għandi flus fil-but, imma kif bħala soċjetà qed inrawmu sens ċiviku fejn nagħtu valur lir-rispett lejn xulxin bħala bnedmin”, temmet tgħidilna t-terapista.