Wednesday, January 7, 2026

IR-RELEVANZA TAL-VALURI FIS-SOĊJETÀ TAL-LUM

Aqra wkoll

Fatt li kulħadd jaf huwa li ż-żmien qed jgħaddi u ma jistenna lil ħadd. Fl-isfond ta’ dan, ħafna drabi nirreferu għall-valuri u li dawn meqjusin tajbin u fuq kollox gwida ta’ kif għandna ngħixu aħna u wkoll li għad iridu jiġu warajna.

Xi drabi nitkellmu wkoll fuq il-prinċipju tat-tagħlim u l-bżonn li l-ġenituri jkollhom kontroll ta’ wliedhom sa minn etajiet żgħar. Din tkun l-ewwel tarġa sabiex l-imġiba ta’ dawn tkun dixxiplinata meta għall-ewwel darba jirfsu l-għatba ta’ xi istituzzjoni edukattiva jew oħra.

Xi rridu nfissru b’dan kollu? Huwa tajjeb li nirriflettu fuq il-fatt li t-tagħlim irid ikompli jibqa’ għaddej tul il-ħajja. Għax l-edukazzjoni m’għandhiex tasal biss sal-klassi u tieqaf hemm. Għalhekk irridu dejjem nassiguraw li t-tixrid u t-twassil tat-tagħlim ikun proċess kontinwu fejn wieħed ikun jista’ jkompli jikseb il-ħiliet meħtieġa f’dinja li kontinwament qed tkompli tinbidel u titrasforma ruħha.  

Huwa fatt magħruf li d-dinja ilha li bdiet tinbidel. Il-globalizazzjoni ġabet din il-bidla li kompliet speċjalment permezz tal-avvanzi li għamlet it-teknoloġija aktar u aktar bl-iżviluppi radikali tal-Intelliġenza Artifiċjali. Dan kollu biddel il-mod ta’ kif il-popolazzjonijiet qed jgħixu llum. F’pajjiżna mhux l-inqas. Inbidel għalkollox l-istil ta’ ħajja li konna mdorrijin bih. Issa sta għal kull wieħed u waħda minna sabiex naħtfu u nisfruttaw l-opportunitajiet li jirriżultaw minn dawn l-iżviluppi f’diversi oqsma.

Madankollu huwa essenzjali u kruċjali li t-teknoloġiji jiġu wżati tajjeb u għalhekk napplawdu l-fatt li dawn qegħdin jiġu inklużi wkoll fi proġetti edukattivi għat-tfal, prova oħra ta’ kemm l-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni, tista’ titħaddem fil-prattika u minnha jibbenefikaw l-edukaturi, it-tfal u anke l-ġenituri tagħhom.

Nemmnu għalhekk li l-edukazzjoni diġitali u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni hi importanti u jmorru id f’id f’dan il-proċess kontinwu ta’ tagħlim fost it-tfal waqt il-vjaġġ edukattiv tagħhom.

Madankollu, huwa importanti ferm li nżommu taħt għajnejna l-iżviluppi kollha li jseħħu biex inkunu nafu, bit-tajjeb u jew il-ħażin, li jkun qed jiġri f’partijiet oħra tad-dinja. Jekk ma nagħmlux hekk, fil-fehma tagħna, inkunu aħna stess li nwaqqgħu lilna nfusna lura mbagħad jaf ikun diffiċli ħafna u anki tard wisq biex nirkupraw dak kollu li nkunu tlifna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport