Sa ftit snin ilu pajjiżna kien jiftaħar li huwa Kattoliku ħafna. Din ir-riflessjoni ta’ poplu kattoliku għadha tinħass sew minkejja li matul is-snin naqset. Dan huwa kkonfermat miċ-ċensimenti u studji li jsiru saħansitra mill-Kurja nfisha. Fortunatament iżda r-reliġjożità għadha waħda kemmxejn b’saħħitha fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa minkejja li l-vokazzjonijiet m’għadhomx li kienu qabel.
Kemm dan huwa minnu joħroġ mill-fatt illi mhux minn 565 żagħżugħ/a din is-sena se jipparteċipaw fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li l-qofol tiegħu jintlaħaq bil-laqgħa li dawn iż-żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha fosthom minn Malta se jkollhom mal-Papa Franġisku.
Dan il-jum li kien twaqqaf mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1983, għandu l-għan li tiġi ċċelebrata ż-żgħożija u l-fidi taż-żgħażagħ f’Ġesù. Dan filwaqt li jaqsmu l-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni permezz ta’ attivitajiet spiritwali u soċjali.
Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Maltin fl-edizzjoni ta’ din is-sena li hija s-16-il waħda tikkonferma li ż-żgħażagħ għad għandhom ġo fihom sens ta’ spiritwalità u reliġjożità, u li jridu jwasslu messaġġ qawwi ta’ kemm għandna bżonn lil xulxin f’ħajjitna.
Dan ukoll ixejjen l-għajdut illi ż-żgħażagħ tal-lum huma aktar moħħhom fid-divertiment u li saħansitra l-parti kbira jabbużaw minn ċertu vizzji. F’dan il-kuntest għalhekk ħadd ma jista’ jew għandu xi dritt li jitfa’ liż-żgħażagħ kollha fl-istess keffa, għax għalkemm hawn min verament jabbuża mill-ħajja u s-sabiħ tagħha, b’danakollu l-parti l-kbira taż-żgħażagħ għad għandhom sens ta’ dover li jkunu utli għas-soċjetà inġenerali.
Għalhekk nemmnu li dan huwa ta’ inkoraġġiment u garanzija għall-futur sabiħ ta’ pajjiżna. Għaliex il-ġenerazzjonijiet tal-lum huma l-mexxejja ta’ għada ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant huwa kruċjali li ż-żgħażagħ isibu min jisma’ l-vuċi tagħhom, kif qed jiġri, u li jingħataw l-ispazju kollu biex ikunu kontributuri ewlenin fit-tfassil ta’ dak kollu li jista’ jsir tajjeb fil-pajjiż ċkejken tagħna.
Dan jawgura tajjeb mhux biss minħabba li ż-żgħażagħ jistgħu jkunu huma li jixprunaw il-bidliet li jkunu jeħtieġu fil-pajjiż, imma wkoll li huma stess ikunu l-katalista għal dawn il-bidliet fl-oqsma kollha tal-ħajja ta’ kuljum.