Ir-Renju Unit illum irrikonoxxiet formalment l-Istat tal-Palestina, f’dik li qed tkun meqjusa bħala “bidla kbira” fil-politika barranija tar-Renju Unit. Dan seħħ ftit wara li l-Kanda u l-Awstralja ħabbru huma li kienu qed jirrikonoxxu l-Palestina bħala stat sovran.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer spjega li d-deċiżjoni li r-Renju Unit tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan kienet waħda meħtieġa biex “terġa’ titqajjem it-tama għall-paċi u s-soluzzjoni ta’ żewġ stati”.
Huwa żied jgħid li dan “ma kienx premju għall-Ħamas” filwaqt li appella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi miżmuma f’Gaża mill-Ħamas u talab lill-gvern Iżraeljan biex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq il-fruntiera ta’ Gaża biex jippermetti li tidħol aktar għajnuna.
F’kitba fuq X, il-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney qal li mill-bieraħ, “il-Kanada qiegħda tirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina” u toffri s-sħubija tagħha biex jinbena futur paċifiku kemm għall-Istat tal-Palestina kif ukoll għall-Istat ta’ Iżrael.
L-Awstralja segwiet id-deċiżjoni tal-Kanada u rrikonoxxiet il-Palestina bħala stat sovran. Il-Prim Ministru tal-Awstralja Anthony Albanese qal li dan il-pass huwa parti minn sforz konġunt flimkien mal-Kanada u r-Renju Unit u se jifforma “sforz internazzjonali għal soluzzjoni ta’ żewġ stati”.