Minkejja li f’Malta għad għandna xi infezzjonijiet relatati mal-pandemija tal-Covid, li issa fortunatament bdew jonqsu sew, jidher ċar li Malta għadha destinazzjoni popolari mal-vjaġġaturi barranin għal vaganzi tagħhom. L-iktar suq turistiku b’saħħtu lejn Malta jibqa’ r-Renju Unit.
Dan ir-riżultat inkoraġġanti joħroġ mill-fatt li fl-2021 żaru Malta bħala destinazzjoni ta’ ċentru wieħed mhux inqas minn 897,481 turist. Dan juri li t-turiżmu lejn pajjiżna żdied b’xejn inqas minn 45 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
L-eta ta’ l-ikbar għadd ta’ turisti li żaruna s-sena l-oħra hija dik bejn il-25 u 44 sena. Aktar minn 70 fil-mija tat-turisti kollha ġew minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-iljieli li qagħdu f’Malta dawn it-turisti żdiedu b’60.4 fil-mija meta mqabbla mal-2020, u laħqu kważi 7.6 miljun lejl.
L-istatistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika uriet li ftit inqas minn 60 fil-mija tat-turisti vvjaġġaw b’linji tal-ajru low-cost filwaqt li 39.1 fil-mija għażlu linji tal-ajru oħra. L-ivvjaġġar minn linji tal-ajru low-cost irreġistra żieda ta’ 42.6 fil-mija meta mqabbel mal-2020.
In-nefqa totali mit-turiżmu speċifikatament f’Malta laħqet kważi €8.0 miljun, żieda ta’ 89.7 fil-mija fuq is-sena l-oħra. Din iż-żieda kienet attribwita l-iktar għal żidiet fin-nefqa tal-akkomodazzjoni u nefqa oħra kif ukoll n-nefqa fuq biljetti tal-ivvjaġġar.
Fir-rigward tal-gżira Għawdxija u Kemmuna it-turiżmu żdied bi kważi in-nofs u ammonta għal 29,889. Ħafna minnhom kienu fl-età bejn 45 u 64 sena li jindika li Għawdex huwa imfittex l-iktar minn persuni ta’ mezz’eta.
B’kuntrast mar-reġjun ta’ Malta, il-maġġoranza tat-turisti li resqu lejn Għawdex u Kemmuna, qagħdu f’akkomodazzjoni mikrija. Fl-2021, it-tul medju li t-turisti qattgħu f’Għawdex u Kemmuna naqas bi ftit għal 11.8 iljieli.
Fl-2021 huwa stmat li Għawdex u Kemmuna bħala destinazzjoni turistika għal ċentru wieħed daħħlu mhux inqas minn €28.0 miljun, li tfisser żieda ta’ 61.0 fil-mija meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.