Il-Palestinjani qegħdin jiddeskrivu l-proposta tar-Renju Unit li tmexxi l-ambaxxata tagħha ġewwa Iżrael minn Tel Aviv għal Ġerusalemm bħala “ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali”. Hu mifhum li l-Prim Ministru l-ġdid Liz Truss qasmet din il-proposta mal-Prim Ministru Iżraelit Yair Lapid waqt is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti li sar ftit ilu. Mossa bħal din hija waħda kontroversjali ħafna u meta l-Istati Uniti kienet għamlet dan lura fl-2018 din kienet ġabet kritika kbira fost id-dinja Għarbija.
Min-naħa tiegħu Lapid deher sodisfatt b’din il-proposta u fuq twitter irringrazzja lil Truss talli “qiegħda tikkonsidra” dan filwaqt li ddeskriva lil Truss bħala “ħabiba vera”. Dwar dan, Downing Street ma tat l-ebda indikazzjoni dwar meta din id-deċiżjoni se tkun qiegħda tiġi esegwita, iżda kkonfermaw li qiegħda tiġi kkunsidrata.
Il-kwistjoni ta’ Ġerusalemm hija waħda delikata ħafna u tista’ tgħid li hija fil-qalba tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestinjani. Fuq naħa Iżrael iqis lil Ġerusalemm kollha bħala l-belt eterna tiegħu u li qatt m’għandha tkun maqsuma mal-Palestinjani, filwaqt li l-Palestinjani jqisu l-parti ta’ Lvant bħala l-kapitali tal-istat futur Palestinjan.