Erba’ ċentri f’Malta u f’Għawdex reġgħu taw ħajja ġdida lil oġġetti li kienu ser jispiċċaw fil-miżbla filwaqt li ffinanzjaw inizjattivi importanti ta’ konservazzjoni sa mill-2022.
Mill-ftuħ tagħhom fl-2022, ir-reuse centres attiraw madwar 30,000 persuna u ġġeneraw madwar €100,000 f’qligħ, li qed jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti ambjentali, fosthom inizjattivi għall-ħarsien tan-naħla Maltija.
Din l-istorja ta’ suċċess kienet ċentrali waqt żjara uffiċjali fis-sit ta’ WasteServ f’Tal-Kus, Għawdex, fejn il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri osservaw kif l-iskart qed jinbidel f’riżorsa għall-ġid ambjentali.
Il-qligħ ta’ €110,000 mill-bejgħ ta’ oġġetti użati qed jintużaw b’mod dirett f’proġetti ta’ konservazzjoni, inkluż il-ħolqien ta’ santwarju għan-naħal ta’ 6.5 ettari f’Wied Fulija, iż-Żurrieq, biex tinżamm u tiġi protetta l-ispeċi indiġena tan-naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri), li għandha rwol importanti fid-dakkir u li qed tiffaċċja sfidi ambjentali kbar.
Waqt iż-żjara l-Ministru Miriam Dalli enfasizzat is-sinifikat ta’ din l-inizjattiva waqt iż-żjara tagħha f’Għawdex u qalet li: “Is-suċċess tar-reuse centres juri li r-responsabbiltà ambjentali ġġib magħha ħafna benefiċċji. Dan il-proġett jinkorpora l-impenn tagħna lejn l-ekonomija ċirkolari filwaqt li jiffinanzja direttament sforzi ta’ konservazzjoni li jipproteġu l-bijodiversità unika ta’ Malta.”
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Ir-Reuse Centre f’Tal-Kus kien suċċess għaliex ħafna familji ħadu f’dan iċ-ċentru affarijiet li ma kinux baqgħu jużaw u nxtraw minn individwi oħrajn bi prezz baxx. B’hekk qegħdin innaqqsu l-iskart u nikkunsmaw inqas prodotti li jsiru mill-ġdid. Barra milli nagħtu ħajja ġdida lill-oġġetti, qed nikkontribwixxu wkoll direttament għall-finanzjament ta’ proġetti ambjentali importanti. Dan jawgura tajjeb għall-viżjoni tagħna għal Għawdex aktar sostenibbli.”
Iż-żjara ministerjali f’Għawdex enfasizzat l-impatt sinifikanti tal-proġett fuq il-gżira Għawdxija, fejn ir-residenti adottaw il-kunċett tal-użu mill-ġdid ta’ oġġetti użati.
Minn meta nfetaħ l-ewwel ċentru f’Ħal Far f’Ġunju 2022, l-inizjattiva kompliet tikber. Illum, hemm erba’ ċentri f’lokalitajiet strateġiċi: Ħal Far, Ħal Luqa, l-Imrieħel, u x-Xewkija f’Għawdex. Kull wieħed joffri għażla varjata ta’ għamara, ġugarelli, strumenti mużikali, oġġetti tad-dar u ċeramika li huma kollha magħżula b’attenzjoni u offruti lill-pubbliku bi prezzijiet raġonevoli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca waqt din iż-żjara f’Għawdex qal: “Ir-rispons li rajna mill-pubbliku għar-reuse centres huwa tassew inkoraġġanti. Dan juri li n-nies fehmu l-importanza li nagħmlu għażliet iktar sostenibbli biex inkomplu nnaqqsu mill-iskart li jispiċċa fil-miżbla.”
Sabiex tkun aktar faċli għall-pubbliku, ġew stabbiliti drop-off points fis-sitt Ċentri għall-Iskart Goff madwar Malta u Għawdex biex aktar nies ikunu jistgħu jagħtu oġġetti li għadhom f’kundizzjoni tajba għal din l-inizjattiva.
Il-Ministri żaru wkoll il-faċilità ta’ Tal-Kus fejn ltaqgħu mal-ħaddiema u rringrazzjawhom għall-ħidma tagħhom.