Sunday, December 22, 2024

IR-REŻILJENZA FL-EKONOMIJA

Aqra wkoll

Pajjiżna bħalissa għaddej minn ritmu ekonomiku li huwa wieħed tajjeb ħafna minkejja ċ-ċirkostanzi internazzjonali u pressjonijiet ekonomiċi li qed jaħkmu fuq diversi pajjiżi. Konferma ta’ kemm l-ekonomija Maltija sejra tajjeb bħalissa ngħatat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li f’rapport li ħareġ intqal li din is-sena Malta mistennija jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro.

L-esperti tal-IMF qed ibassru li l-ekonomija Maltija se tikber bi 3.8% din is-sena, li hija ħames darbiet u nofs aktar mill-medja Ewropea. B’hekk kien rivedut ‘il fuq it-tbassir ekonomiku preċedenti ta’ Frar li għadda meta dakinhar l-IMF bassar li l-ekonomija Maltija se tikber bi 3.3% fl-2023.

Dawn ir-riżultati huma pożittivi meta jitqies illi pajjiżi oħra għaddejjin minn sitwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli, l-aktar minħabba l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna u aktarx ukoll minn dak li qed iseħħ bħalissa fil-Lvant Nofsani.

Dak li qal l-IMF jikkorrobora ma’ dak li qalu aġenziji ta’ kreditu awtorevoli li sostnew ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija. Dan kollu huwa wkoll konferma tal-viżjoni li kellu dan il-Gvern meta ħa l-miżuri fiskali u ekonomiċi li ħa matul il-pandemija. Deċiżjonijiet li nemmnu li kienu f’waqthom anke issa bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

Għalhekk nifhmu li l-mudell ekonomiku li għandu bħalissa pajjiżna, għalkemm aktarx li jeħtieġ li jiġi rivedut, xorta ħalla riżultati pożittivi għall-ekonomija Maltija. Għandna għax nifhmu wkoll li l-budget għas-sena d-dieħla se jagħti każ l-isfidi tal-lum u tal-futur bil-għan li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tkun reżiljenti u tilqa’ għal kull eventwalità, b’attenzjoni partikolari għall-inflazzjoni.

Ekonomija

Sport