Il-Bank Ċentrali ta’ Malta għadu kif ippubblika l-erbatax-il edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja li jevalwa l-iżviluppi rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja domestika matul l-2021 u jkopru l-attivitajiet tal-banek, l-assigurazzjonijiet u l-fondi ta’ investiment b’rilevanza lokali.
Ir-Rapport jinnota li meta mqabbel ma’ senu ilu, ix-xenarju makroekonomiku fl-UE tjieb hekk kif il-programmi ta’ tilqim għenu sabiex l-attività ekonomika terġa’ tirpilja. Madankollu, l-irkupru ma kienx mifrux fis-setturi kollha, kemm minħabba xkiel fil-provvista tal-prodotti kif ukoll il-ħolqien ta’ varjanti ġodda tal-COVID li wasslu għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ restrizzjonijiet.
Ir-riskju ġeopolitiku kompla jintensifika bil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u minħabba l-effett qawwi tagħha fuq il-pressjonijiet inflazzjonarji li diġà bdew jiżdiedu, b’mod partikolari l-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti. Dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-prospetti tat-tkabbir ekonomiku fil-futur. Peress li matul l-2021 inżammu l-miżuri ta’ sostenn tal-gvern relatati mal-pandemija, il-livell tad-dejn pubbliku kompla jiżdied u dan iġib tħassib dwar is-sostenibbiltà tiegħu f’numru
ta’ pajjiżi, partikolarment minħabba t-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-gvernijiet, il-banek u l-kumpaniji.
Lokalment, minkejja l-inċertezza għolja fil-klima ekonomika globali, il-banek irrapportaw titjib fil-kwalità tal-assi minħabba tnaqqis fis-self li ma jrendix (NPLs) u kif ukoll minħabba żieda fil-volumi tas-self. Dan tal-aħħar kien fil-biċċa l-kbira ġej minn żieda fis-self għal xiri ta’ proprjetà residenzjali hekk kif is-self lill-kumpaniji kien żdied biss permezz tal-COVID-19 Guarantee Scheme tal-Bank Malti ta’ Żvilupp. Din l-edizzjoni tar-Rapport tinkludi artiklu speċjali li jevalwa
l-fatturi potenzjali tar-riskji ċikliċi u jaċċenna dwar iż-żieda fil-konċentrazzjoni ta’ self relatat mal-proprjetà fi ħdan il-portafoll tas-self fil-banek. Żviluppi bħal dawn jerġgħu jaffermaw il-bżonn ta’ monitoraġġ kontinwu għal xi żieda fir-riskju tal-konċentrazzjoni fil-portafolli tas-self tal-banek u, jekk ikun hemm il-bżonn, għall-adozzjoni f’waqtha ta’ miżuri speċifiċi. Il-profittabbiltà tal-banek irkuprat b’mod qawwi minħabba provvedimenti fuq self aktar baxxi kif ukoll b’xi ftit minn dħul ogħla mit-tariffi u l-kummissjonijiet. Madankollu, is-sors ewlieni tad-dħul
tal-banek baqa’ relatat mad-dħul nett mill-imgħax.
B’mod ġenerali, l-andament globali b’saħħtu tas-swieq finanzjarji fl-2021 kellu impatt pożittiv fuq il-fondi ta’ investiment ta’ rilevanza lokali hekk kif iż-żieda fiż-żamma tal-ishma kienetparzjalment imtappna minn tnaqqis fil-bonds miżmuma fost pressjonijiet inflazzjonarji li qed jiżdiedu. Bl-istess mod, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, b’rilevanza lokali, ibbenefikaw ukoll mit-titjib ġenerali fis-swieq finanzjarji hekk kif għollew l-investimenti tagħhom fl-ishma u l-fondi ta’ investiment. B’riżultat ta’ dan, il-profittabbiltà ta’ dan is-settur tjiebet ukoll, flimkien ma’ żieda ġenerali fil-premia, li min-naħa l-oħra ġiet sostnuta mill-irkupru ekonomiku ġenerali.
B’mod ġenerali, ir-Rapport isib li s-settur finanzjarju domestiku wera reżiljenza qawwija fl-2021 minkejja l-isfidi għal ċerti setturi. Dan irriżulta mir-riżultati tat-testijiet tal-istress u l-analiżi tas-sensittività tal-likwidità u s-solvenza li jiżvelaw li s-sistema finanzjarja hija wkoll ġeneralment reżiljenti. Madankollu, meta wieħed iħares ’il quddiem, ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja jibqgħu, l-aktar minħabba l-effetti indiretti tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, hekk kif esponiment dirett għal dawn iż-żewġ pajjiżi huwa limitat. Barra minn hekk, il-pressjonijiet
inflazzjonarji u r-riskji negattivi għat-tkabbir ekonomiku jistgħu possibbilment ikollhom impatt fuq il-kapaċitajiet li jitħallas lura d-dejn, liema kapaċitajiet jistgħu jittestjaw ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju domestiku. Dan jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jikkommettux ruħhom fit-teħid ta’ riskji eċċessivi u jibnu provvedimenti adegwati, filwaqt li jżommu likwidità u bafers tal-kapital b’saħħithom. Ix-xenarju taċ-ċibersigurtà dejjem qed jinbidel minħabba li t-theddid li qed jitfaċċa qed isir dejjem aktar sofistikat. Għalhekk, l-
istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jibqgħu fuq quddiem nett għall-adozzjoni tal-aħħar avvanzi teknoloġiċi sabiex jissalvagwardjaw lilhom infushom kontra r-riskji taċ-ċibersigurtà.
F’dan ir-Rapport wieħed isib għall-ewwel darba analiżi ta’ xenarju avvers relatat mar-riskju tat-tibdil fil-klima għall-qafas tal-ittestjar tal-istress makroekonomiku. Hemm inklużi żewġ artikli relatati li jispjegaw fid-dettall is-suppożizzjonijiet u l-metodoloġiji applikati għal dan il-qafas. Ix-xenarju jfittex li jevalwa l-impatt minn aktar riskji tranżitorji fuq il-kapital tal-banek wara żidiet fil-prezz taż-żejt sabiex jiddiżinċentiva l-użu tiegħu u tintlaħaq il-mira ta’ żero emissjonijiet netti sal-2050.
L-impatt tat-test relatat mat-tibdil fil-klima fuq il-kapital tal-banek mhuwiex ċkejken iżda ma jindika l-ebda ħtieġa speċifika għal rikapitalizzazzjonijiet. Madankollu, l-għan ta’ danl-eżami hu biex jitfa’ dawl fuq il-bżonn għat-tħejjija tal-banek f’xenarju bħal dan u għalhekk, fuq l-importanza li għall-quddiem jiġu evalwati r-riskji relatati mal-espożizzjonijiet marbuta mal-emissjonijiet għoljin tas-CO2 u l-ispejjeż assoċjati relatati mal-klima.
Ir-Rapport jinkludi wkoll tliet artikli, fosthom artiklu speċjali ieħor. Dan tal-aħħar jiddeskrivi l-qafas tal-metodoloġija tal-ittestjar tal-istress ġdid li jevalwa kif tiġi affettwata l-likwidità tal-banek fuq perjodu ta’ sena f’dak li huwa regolament dwar ‘Net Stable Funding Ratio’. Wieħed mill-artikli l-oħra jippreżenta r-riżultati miksuba ta’ stħarriġ tas-self tal-banek filwaqt li l-ieħor iħares lejn ir-riżultati miksuba minn stħarriġ tal-bank dwar l-użu tal-bafers tal-kapital. L-artiklu jaċċenna l-importanza tal-bafers tal-kapital adegwati għall-banek biex dawn ikomplu jappoġġjaw l-ekonomija waqt xenarji avversi, kif ukoll l-importanza ta’ miżuri mmirati li jistgħu jiġu implimentati u l-komunikazzjoni attiva mal-industrija.
Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja jista’ jitniżżel mis-sit elettroniku
www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil-forma stampata mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.