Thursday, January 8, 2026

‘Ir-rieda biex wieħed jitgħallem hija element importanti ħafna’ – Gabriel Mangion

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol hija xi ħaġa li twieldet miegħi. Jiena ġej minn familja miżgħuda bil-futbol. Peró, bla dubju l-iktar ħaġa li ġibditni lejn il-futbol huwa missieri, Rupert Mangion. Meta kont iżgħar kont immur insegwi l-logħob u anke kont immur miegħu għat-taħriġ nagħti daqqtejn ta’ ballun mal-ħajt!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Fgura United FC.

L-esperjenza tiegħi mat-tim tal-Fgura United FC għalkemm ilha biss ftit xhur hija waħda pożittiva ħafna. Fortunat li sibt grupp ta’ plejers mhux biss tajbin ħafna fuq il-pitch iżda rġiel ta’ vera barra minnu, kemm sħabi tal-iskwadra tal-Minors kif ukoll sħabi tal-iskwadra tal-kbar. Mill-ewwel ġurnata laqgħuni bi ħġarhom fl-iskwadra u għamluhieli faċli sabiex nintegra magħhom.

Kif għidtlek qabel, jien nagħmel parti mill-iskwadra tal-kbar kif ukoll tal-minors fih dan il-klabb. Rigward l-esperjenza tiegħi mal-iskwadra tal-kbar, m’għandi xejn xi ngerger anzi kuntent immens, għaliex għandi l-opportunitá li naqsam il-pitch u nittrenja ta’ kuljum ma’ plejers ta’ kwalitá għolja ħafna u mingħandhom nitgħallem biss nista’!

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Ifhimni, il-klassifika titkellem waħedha. Preżentement ninsabu fit-tielet post u qed niġġieldu mat-timijiet ta’ quddiem. Peró, din is-sitwazzjoni ma ġietx b’ kumbinazzjoni. Qegħdin fejn qegħdin grazzi għas-sagrifiċċji kbar li nagħmlu ta’ kuljum aħna l-plejers flimkien mal-istaff, kemm tekniku kif ukoll l-istaff li xogħolhom forsi ma jidhirx daqshekk. Kif ukoll grazzi għax-xogħol siewi tal-kumitat tal-klabb immexxi mill-president, Larkin Bonnici.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Bla dubju, it-tragward prinċipali tagħna huwa li bħala tim jirnexxielna nagħmluha mal-ewwel tmienja. Peró, l-ambizzjoni tagħna ma tiqafx hemm … nemmnu li għandna l-kwalitá rekwiżita fl-iskwadra sabiex niġġieldu għall-promozzjoni u nkomplu mexjin ‘il quddiem fl-esperjenza tagħna fl-FA Trophy kif ukoll fiċ-Challenge Cup.

X’tikkummenta fuq il-Kowċ, Kevin Vella?

Kif għidtlek aktar qabel, jiena ilni ftit xhur biss naħdem mal-Kowċ Kevin Vella. Għaldaqstant, il-bravura tattika u s-snin twal ta’ esperjenza li jġorr mieghu hija waħda li ma tistax tinjoraha. M’għandix dubju li taħt it-tmexxija u l-gwida tiegħu nistgħu nkomplu mexjin ‘il quddiem bħala klabb kif ukoll inkompli niżviluppa personalment.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici?

Il-kumitat immexxi mill-president Larkin Bonnici huwa wieħed eżemplari. Mhux biss kif jaħdmu fuq it-tim tal-kbar. Iżda wkoll kif irnexxielhom jitfgħu lill-Fgura fuq il-mappa fir-rigward kemm ta’ futbol peró xejn inqas fil-qasam tal-ħajja soċjali. Hija xi ħaġa impressjonanti għall-ahhar kif irnexxielhom jintegraw il-ħajja soċjali mal-opportunitajiet tal-futbol, speċjalment fis-settur tat-tfal tan-nurseries. Illum il-ġurnata nemmen li kif issemmi Fgura United FC, apparti s-suċċess fil-grawnd li tibqa’ prijoritá, tisma’ ħafna tifhir mistħoqq ukoll f’dan ir-rigward!

Int ukoll tifforma parti importanti mit-tim tal-Minors ta’ Fgura United FC. Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek din id-darba ma’ dan it-tim.

Fir-rigward tal-iskwadra tal-Minors, kuntent ħafna wkoll. Sfortunatament l-affarijiet mhux sejrin daqshekk tajjeb daqs dawk tat-tim tal-kbar. Peró, kburi ħafna bi sħabi li għalkemm l-affarijiet f’dan l-ewwel nofs tal-istaġun ma marrux kif xtaqna, xorta waħda rnexxielna nibqgħu magħqudin u bqajna naħdmu flimkien ta’ kuljum sabiex nipprovaw indawru l-folja.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Hamrun Spartans FC u kemm tgħallimt minnha.

L-esperjenza tiegħi mat-tim tal-Hamrun Spartans FC kienet waħda sabiħa mmens u xi ħaġa li ħa nibqa’ niftakar bla dubju għal ħajti kollha. Primarjament jiena bdejt nilgħab il-futbol mat-tim tal-Hamrun ta’ etá żgħira u għamilt sa ma kelli sitt snin hemmhekk. Fl-2021 kelli l-opportunitá li nerġa’ ningħaqad mal-istess klabb … dak iż-żmien kont nagħmel parti mill-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena, u ma ħsibthiex darbtejn. 

Fl-istaġun 2022/2023, taħt it-tmexxija tal-Kowċ Luciano Zauri bdejt nitħarreġ mal-iskwadra tal-kbar tal-Hamrun Spartans. Ovvjament tifel lokali bħali hija ħolma li jkollok ċans titħarreġ mal-iskwadra tal-kbar tal-Hamrun. Meta bdejt nitħarreġ mat-tim tal-kbar kelli l-opportunitá li nitħarreġ mal-aqwa plejers fil-kampjonat lokali, tim mimli bl-aqwa plejers lokali, li wkoll jirrapreżentaw lil pajjiżna fl-ogħla kompetizzjonijiet internazzjonali.

Plejers li flimkien mal-plejers barranin tal-ogħla livell preżenti dak iż-żmien irnexxielhom iġibu numru kbir ta’ unuri lejn il-klabb. Ovvjament meta tkun imdawwar bi plejers ta’ esperjenza u kwalitá bħal dik, m’għandekx għażla oħra ħlief li tixrob kemm tiflaħ informazzjoni mingħandhom sabiex ittejjeb il-livell tiegħek. Fi Frar tal-istess sena, il-kowċ Zauri u l-istaff tiegħu tawni l-opportunitá li nilbes il-flokk ta’ raħal twelidi u nirrapreżenta lill-klabb f’logħba kompetittiva fl-etá ta’ 17-il sena. Mument li jibqa’ ttimbrat għal ħajti kollha. L-esperjenza tiegħi ma’ Hamrun ġiet fi tmiema proprju fl-aħħar staġun meta mbagħad inqgħaqadt mat-tim ta’ Fgura United FC.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen illi l-livell tal-futbol Malti, grazzi għall-investimenti kbar li qed isiru, qiegħed jogħla. Peró, nemmen ukoll li baqa’ ħafna x’nagħmlu sabiex verament naraw il-potenzjal u l-kwalitá li l-futbol Malti permezz tat-talent lokali mehmuż ma’ dak barrani kapaċi joffri.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Mhux xi sigriet illi r-riżorsi f’pajjiżna huma limitati u minn dak li għandna ftit huma tal-kwalitá meħtieġa. Jiena tista’ tgħid li fortunat li kull tim li tħarriġt miegħu kellu l-faċilitajiet tiegħu mgħammra bl-apparat professjonali li wieħed għandu bżonn.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Ifhimni, jiena m’iniex wieħed li nħobb inħares fil-bogħod ħafna. Peró, l-imħabba u l-passjoni lejn l-isport tant għal qalbi għadhom hemm. Nemmen li baqgħali ħafna x’nitgħallem u privileġġjat ngħid li għandi min jgħinni sabiex nitgħallem u nesponi l-potenzjal tiegħi. Kif għidtlek diġá, l-imħabba lejn il-futbol twieldet miegħi u nemmen li tmut miegħi ukoll!

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Ħafna u ħafna sagrifiċċji. Ħafna u ħafna paċenzja. Ħafna u ħafna xogħol li ma jarah ħadd. Ir-rieda biex wieħed jitgħallem hija element importanti ħafna. Isimgħu minn dawk in-nies li jixtiqulkom il-ġid, isimigħu mill-kowċis tagħkom, u fl-aħħar u mhux l-inqas, dejjem żommu saqajkom mal-art!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport