Tuesday, November 19, 2024

IR-RIFLUSS TAL-AĊTU FL-ISTONKU

Aqra wkoll

Ir-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija kundizzjoni kronika li fiha l-kontenut likwidu tal-istonku jirrigurġita lura fl-esofagu. Peress li dawn il-kontenuti huma aċidużi ħafna, tibda tinħass sensazzjoni ta’ ħruq fin-nofs tas-sider jew fin-naħa xellugija taż-żaqq.

Il-gravità u l-bżieq huma mekkaniżmi protettivi importanti għall-esofagu, iżda dawn huma effettivi biss meta l-individwi jkunu fil-pożizzjoni wieqfa. Għaldaqstant waqt l-irqad, il-gravità m’għandha l-ebda effett, u anke tkun qed titnaqqas is-sekrezzjoni tal-bżieq. Għalhekk, ir-rifluss tal-aċtu li jseħħ matul il-lejl huwa aktar probabbli li jikkawża ħsara lill-kisja tal-esofagu.

Il-kawżi tar-rifluss tal-aċtu mill-istonku huma pjuttost kumplessi u għandhom tendenza li jvarjaw f’individwi differenti. Madankollu, hemm bosta fatturi li jistgħu jikkontribwixxu biex persuna tiżviluppa din il-kundizzjoni; bħall-obeżità abdominali, tqala, ftuq tat-tip “hiatus”, mard tat-tessuti konnettivi, kif ukoll abnormalitajiet tal-isfinter tal-esofagu.

Id-dijanjosi tal-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija ssuspettata meta s-sintomi tipiċi assoċjati ma’ din il-kundizzjoni jkunu preżenti fuq perjodu ta’ żmien twil. Dawn jistgħu jinkludu ħruq fl-istonku, rigurġitazzjoni tal-aċidu jew tal-bili, żieda fil-bżieq, kif ukoll dardir jew rimettar. 

Madankollu, dawn is-sintomi mhumiex speċifiċi. Għalhekk, l-istandard attwali għad-dijanjosi definittiva ta’ din il-kundizzjoni huwa l-monitoraġġ tal-pH tal-esofagu fuq 24 siegħa. 

L-endoskopija tal-istonku hija wkoll rrakkomandata f’dawk l-individwi li ma jirrispondux tajjeb għat-trattamenti jew li jippreżentaw b’sintomi aktar allarmanti bħal diffikultà biex tibla’, anemija, demm fl-ippurgar, tħarħir, telf ta’ piż jew bidliet fil-vuċi.

It-trattament primarju tal-aċtu fl-istonku tipikament jinvolvi bidliet sempliċi fl-istil tal-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll ċerti mediċini li jigu preskritti biex jinnewtralizzaw r-rifluss tal-aċtu u li jipprevjenu wkoll il-formazzjoni tal- aċtu żejjed fl-istonku.

Bħala linja gwida, għandhom wkoll jiġu evitati bibiti u ikel aċidużi bħall-kafè, luminata, ċitru, tadam, ikel pikkanti jew xaħmi. Barra minn hekk, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol għandhom jiġu minimizzati. 

Diversi bidliet oħrajn bħal li wieħed jiekol porzjonijiet iżgħar tal-ikel u li jservi l-ikliet aktar kmieni filgħaxija huma wkoll rrakkomandati. Il-konsum ta’ “chewing gum” u l-ħalib frisk, kif ukoll l-elevazzjoni tar-ras u l-partijiet ta’ fuq tal-ġisem waqt l-irqad jistgħu wkoll itejbu s-sintomi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku.

Madankollu, xi drabi dawn ir-rimedji ma jkunux biżżejjed. F’dawn il-każijiet severi tal-aċtu fl-istonku, it-trattament kirurġiku ikun il-“fundoplication”. F’din il-proċedura, il-parti ta’ fuq tal-istonku tiġi mgeżwra madwar l-isfinter tal-esofagu t’isfel biex tissaħħaħ.

Fil-popolazzjonijiet tal-Punent, din il-kundizzjoni taffettwa bejn wieħed u ieħor minn 10 sa 20 fil-mija tal-individwi. Ir-rata ta’ prevalenza tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku f’nazzjonijiet żviluppati hija wkoll marbuta sew mal-età, bl-adulti ta’ bejn il-55 u 65 sena li huma l-aktar affettwati.

Il-kumplikazzjonijiet tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku li ma jiġux solvuti jistgħu jinkludu ulċeri gastriċi, esofagu Barrett kif ukoll defiċjenza tal-ħadid u infjammazzjoni tal-esofagu. Għalhekk, huwa vitali li tfittex parir mediku jekk is-sintomi jippersistu għal aktar minn ġimgħatejn infila.

Jekk tixtieq issegwi l-blogg ta’ Dr Georgiana Farrugia Bonnici, tista’ tagħmel dan billi tagħmel like fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD×

Sport