Ir-riforma tal-liġijiet marbuta mal-qasam tal-farmaċewtika li għadha kemm ħabbret l-Unjoni Ewropea hija riforma li kienet mistennija ħafna u ntlaqgħet tajjeb ħafna għaliex din se ssaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-aċċess għal aktar mediċini għall-pazjenti.
Meta wieħed iqis il-fatt li s-settur tal-mediċini fl-Ewropa kien ilu jistenna żviluppi strutturali għal aktar minn għoxrin sena, din ir-riforma tfisser pass importanti ħafna. Madankollu, is-suċċess tagħha, fl-aħħar mill-aħħar, mhux se jiddependi biss fuq l-ambizzjoni leġiżlattiva, iżda fuq il-kapaċità tal-politiċi, tar-regolaturi u tal-industrija li jimplimentawha b’impenn komuni favur l-ekwità bejn l-Istati Membri kollha.
Għal swieq iżgħar bħal Malta, il-konsegwenzi huma kritiċi. L-Ewropa ilha tiffaċċja disparitajiet fl-aċċess għal trattamenti ġodda, fejn il-pazjenti f’pajjiżi akbar ħafna drabi jiksbu aċċess xhur, u f’xi każijiet snin, qabel dawk li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni.
Dawn id-dewmien spiss ikun riżultat ta’ sistemi ta’ prezzijiet frammentati, ostakli amministrattivi u deċiżjonijiet kummerċjali li jagħtu prijorità lil swieq li jifilħu volumi iktar kbar. Ir-riżultat ta’ din is-sitwazzjoni huwa li pazjenti f’pajjiżi differenti, mhux qed igawdu l-istess opportunitajiet – sitwazzjoni li tmur kontra l-aspirazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-koeżjoni.
Differenzi bħal dawn rari jiġu rikonoxxuti fid-diskors politiku, iżda jinħassu b’mod qawwi mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u mill-pazjenti f’pajjiżi iżgħar, inkluż Malta.
Bħala kumpanija ewelinija fil-qasam tal-farmaċewtika li topera esklussivament f’dan it-tip ta’ ambjent, Vivian tiffaċċja l-konsegwenzi umani ta’ dawn id-differenzi kuljum. Għal persuna li tgħix b’marda rari, kundizzjoni pedjatrika jew forma ta’ kanċer li jiżviluppa malajr, dewmien regolatorju ma jibqax kwistjoni politika iżda kwistjoni ta’ sopravivenza u kwalità tal-ħajja.
Ir-riforma leġiżlattiva li għadha kemm tħabbret, se tipprova tiffaċċja din l-isfida b’mod aktar dirett. Permezz ta’ inċentivi li jħaffu l-aċċess aktar f’waqtu fis-swieq, bit-tisħiħ ta’ l-obbligi dwar il-kontinwità tal-provvista, u billi jinstabu meżżi aktar effikaċi li jindirizzaw ħtiġijiet mediċi, l-UE qed tibgħat sinjal ċar dwar il-bżonn ta’ bilanċ aħjar fis-sistema.
Madankollu, il-leġiżlazzjoni, tkun kemm tkun sofistikata, ma tista’ qatt issolvi l-bżonnijiet speċifiċi kollha ta’ kull suq. Huwa għalhekk li l-implimentazzjoni se tkun teħtieġ dixxiplina, kollaborazzjoni u rieda minn kulħadd sabiex ikun żgurat li l-aċċess ekwu titqies bħala obbligu strateġiku, u mhux biss aspirazzjoni etika.
Kien appuntu fuq din il-premessa li ġie stabbilit PATH – Promoting Access to Treatments & Healthcare – bħala think tank żviluppat flimkien ma’ sħab internazzjonali bil-għan li jikkontribwixxi proposti prattiċi għall-avvanz tal-aċċess madwar l-Ewropa kollha.
Ix-xogħol tiegħu jiffoka fuq tliet pilastri: l-aċċellerazzjoni tad-disponibbiltà ta’ trattamenti għal bżonnijiet mhux sodisfatti, l-iżgurar ta’ aċċess ġust u f’waqtu irrispettivament mid-daqs tas-suq, u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista.
Dawn il-prijoritajiet jallinjaw mill-qrib mal-objettivi tar-riforma tal-UE, iżda jirriflettu wkoll realtajiet li jistgħu ma jkunux indirizzati b’mod sħiħ mil-leġiżlazzjoni waħedha.
Il-mard rari u l-popolazzjonijiet pedjatriċi, pereżempju, għadhom qed ibatu minn nuqqas strutturali ta’ investiment fuq livell globali, u l-Ewropa trid tiżgura li l-effiċjenza regolatorja tkun akkumpanjata minn vijabbiltà kummerċjali. Bl-istess mod, l-aċċess għall-Istati Membri iżgħar jeħtieġ aktar minn inċentivi legali; jeħtieġ trasparenza mill-industrija, reattività mir-regolaturi, u kooperazzjoni sħiħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
Fir-rigward tar-reżiljenza tal-provvista, l-intenzjonijiet tal-UE huma ċari, iżda biex vermanet tinkiseb kontinwità, huwa meħtieġ li l-Ewropa terġa’ tibni l-awtonomija strateġika li ilha ċċedi b’mod gradwali.
In-nuqqas ta’ disponibilità li rajna dan l-aħħar, wera’ kemm il-pazjenti Ewropej għadhom vulnerabbli għal problemi li jinqalgħu lil hinn mill-kontinent. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, se jkun hemm bżonn diversifikazzjoni fil-produzzjoni, tbassir aħjar tad-domanda, u approċċ aktar strateġiku għall-immaniġġjar tal-provvisti. Dawn il-passi jridu jinvolvu kemm lill-operaturi privati kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali.
Il-mistoqsija issa hija jekk l-Ewropa tistax issarraf dan it-titjib leġiżlattiv f’progress li jista’ jitkejjel. Huwa f’dan il-kuntest li l-kumpaniji jridu juru aktar minn sempliċi konformità. Hemm bżonn li s-settur privat jieħu impenn attiv lejn il-prinċipji li fuqhom hija mibnija din ir-riforma.
Għal kumpaniji farmaċewtiċi bħal tagħna, dan ifisser li rridu nkomplu ninvestu fis-sistemi tal-kwalità, li nkomplu nsaħħu l-istandards stretti ta’ konformità u li nibqgħu niddefendu l-interessi tal-pazjenti Maltin li jistħoqqilhom aċċess għall-mediċini daqs kull ċittadin Ewropew ieħor.
Ir-riforma leġiżlattiva Ewropea tipprovdi pedament aktar b’saħħtu mill-qafas frammentat li kienet hemm qabel u turi li sar progress sinifikanti. Iżda dan mhux biżżejjed. Biex il-politika verament tissarraf f’benefiċċji reali għall-pazjenti, l-Ewropa trid tħaddan l-ispirtu ta’ responsabbiltà kollettiva li qed timplika din l-istess leġiżlazzjoni.
Jekk l-Ewropa tirnexxi, mhux biss issaħħaħ il-kompetittività tagħha, iżda terġa’ tafferma l-impenn tagħha lejn iċ-ċittadini li l-aktar jiddependu fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħha.

