L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien il-Perit David Xuereb. Huwa qal li ilu minn Ottubru tal-2021 jokkupa l-kariga ta’ Non-Executive Chairman fil-Bord tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). Qal ukoll li minn Jannar ta’ din is-sena beda fil-kariga ta’ Chairman tal-MCESD. Huwa wkoll Direttur fi ħdan l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).
Fix-xhieda tiegħu, il-Perit Xuereb spjega kif il-każ ta’ Jean Paul Sofia kien ġie diskuss waqt laqgħa tal-Bord f’Marzu ta’ din is-sena. Qal ukoll li hemm għaddejja white paper dwar ir-riforma fl-OHSA, filwaqt li saħaq li ilu jinħass il-bżonn għal din ir-riforma.
Mistoqsi jarax xi kunflitt fl-irwoli tiegħu, huwa qal li l-BCA m’għandhiex responsabbiltajiet relatati ma’ saħħa u sigurtà u li għalhekk ma jara l-ebda kunflitt mal-OHSA. Sostna li l-BCA tirregola l-kwalità tal-kostruzzjoni mentri l-OHSA hi responsabbli għall-istandards b’rabta mas-saħħa u s-sigurtà li jiffokaw fuq is-setturi kollha mhux biss fil-kostruzzjoni.
Mistoqsi dwar kemm hemm uffiċjali tal-infurzar, ix-xhud wieġeb li fil-BCA hemm 20 u fl-OHSA hemm 14. Dwar jekk żdiedx dan l-ammont wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, ix-xhud qal li sa fejn jaf hu, dan in-numru baqa’ l-istess.