Intant, il-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kien qiegħed jitkellem fil-Parlament f’għeluq is-sena minn meta ħareġ ir-rapport tal-Inkjesta-Sofia, qal li “dawn ir-riformi rridu nibqgħu nibnu fuqhom, għax huma mnebbħa mis-sewwa u hekk jixraq liċ-ċittadini kollha, inkluż iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.”
Dr Abela qal li s-settur tal-kostruzzjoni kien jeħtieġ li jiġi rregolat minkejja li pajjiżna mhuwiex dipendenti minnu, filwaqt li sellem il-memorja ta’ Jean Paul Sofia u anke ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar snin.
Fil-Parlament il-Prim Ministru spjega li wara li kien ħareġ ir-rapport tal-Inkjesta kien inħatar kumitat inter-ministerjali kellu prinċipju li jkollu l-ogħla standards u kull min kien qed jopera b’attitudni ħażina, ma kienx se jitħalla jopera aktar.
Il-kelliem tkellem fost l-oħrajn dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi biex b’hekk ikun hemm distinzjoni bejn dawk li jaħdmu b’mod serju u dawk li jippretendu li joperaw f’dan is-settur għad-detriment ta’ persuni oħrajn.
Il-Prim Ministru tenna l-messaġġ tal-Gvern li se jkun wara min hu ta’ rieda tajba, imma min se jkun qiegħed joħloq inkonvenjent se jkollu jġorr il-konsegwenzi.
“Min mhuwiex serju, dan is-settur m’għandux għalxiex imiss miegħu, anzi ngħid li min mhuwiex serju m’għandux imiss mal-ebda settur ekonomiku f’dan il-pajjiż.
Mhemmx skużi, jew serjetà jew xejn. Min hu ta’ rieda tajba, iżda, u qed jgħolli l-istandards, allura se jsibna warajh. Min ħoloq jew se joħloq inkonvenjent, min jikser ir-regolamenti tal-iżvilupp jaf li llum hemm pieni li huma qawwija li se jkunu qegħdin jistennewh li jinkludu wkoll prosekuzzjoni quddiem il-Qrati tagħna,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament.
Hu temm id-diskors tiegħu billi qal li baqa’ ħafna xi jsir f’dan is-settur filwaqt li saħaq li dan il-Gvern imexxi minnu għandu r-rieda biex iwettaq aktar riformi u anke ħidma biex is-settur tal-kostuzzjoni jkun wieħed ta’ kwalità.
“Ħdimna ħafna, però ngħid li dan hu biss il-bidu. Ir-riformi li ġibna rridu nibqgħu nsostnuhom, anzi rridu nibqgħu nibnu fuqhom. Biex nagħmlu dan, kburi ngħid li għandna rieda soda daqs l-azzar,” qal il-PM.