Il-biljunarju Donald Trump huwa mistenni jaċċetta wieħed mill-aktar rigali lussużi li qatt ingħataw lill-President tal-Istati Uniti minn pajjiż ieħor. Dan ir-rigal huwa jumbo jet li jiswa s-somma fenomenali ta’ $400 miljun, ekwivalenti għal ftit aktar minn €360 miljun.
Il-familj rjali tal-Qatar offriet il-“palazz li jtir” lill-mexxej li jħobb il-lussu aktar kmieni din is-sena fi Florida. Huwa mifhum li dan l-ajruplan lussuż jista’ jkun li se jieħu post l-ajruplan “antik” li juża l-President Amerikan – Air Force One.
Fuq messaġġ li tella’ fuq is-sit tiegħu “Truth Social” Trump indika li dan l-arranġament jista’ jkun temporanju. Huwa ħa l-okkażjoni wkoll biex għajjar lid-Demokratiċi “losers” talli kkritikaw il-mossa tiegħu.
Huwa kiteb, “allura l-fatt li d-Dipartiment tad-Difiża se jingħata rigal b’xejn ajruplan 747 biex għal ftit żmien jieħu post l-Air Force One antik 40 sena, fi tranżizzjoni pubblika u trasparenti, iddejjaq lid-Demokratiċi korrotti li qegħdin jinsistu li nħallsu ħafna flus għall-istess ajruplan”.